Hekk kif is-sajf daħal ġmielu, is-sħana rrankat u l-għenieqed tal-għeneb jifformaw u jkunu tajbin għall-ħsad, beda l-istaġun tal-ħidma għall-bdiewa simili hekk kif ninsabu qrib il-vendemja – Iż-żmien li fih jibda l-ħsad tal-għeneb.
Din is-sena, ix-xita ġiet irreġistrata tard fir-rebbiegħa u kompliet f’Ġunju, u dan wassal għal moffa fid-dwieli.
F’dan ir-rigward, bdiewa mxew mal-linji gwida tal-Integrated Pest Management maħruġa mid-Direttorat tal-Agrikoltura, u għaldaqstant irnexxielhom jikkontrollaw dan it-tip ta’ mard b’mod effettiv.
L-Uffiċjal Kap Agrikolu Darren Borg mid-Direttorat tal-Agrikoltura spjega kif l-għeneb jikber u jimmatura bejn ir-rebbiegħa u s-sajf, iżda kull sena l-istaġun tat-tkabbir ivarja minn staġun għall-ieħor.
Hu spjega li din is-sena l-istaġun beda pjuttost frisk u b’aktar xita mis-soltu. Dan wassal għal staġun li beda b’maturazzjoni aktar tard mis-soltu, speċjalment fuq ċerti varjetajiet.
Qal, “Se jkun sajf daqsxejn differenti u aktar joffri sfida għal bdiewa li jkabbru l-għeneb. Però dak hu s-sabiħ tas-settur għax kull sena hemm storja warajha.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega l-inbid ta’ kwalità hu wieħed mill-prodotti li għandu rabta diretta ma’ pajjiżna u wieħed irid ifakkar kif dan il-prodott huwa mfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin. Il-kwalità tiegħu hi wkoll rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea li tkompli ssaħħaħ l-importanza tas-settur agrikolu f’pajjiżna.
Qal, “Illum ftaħna l-istaġun tal-għeneb. Nixtieq ngħid grazzi lill-bdiewa u lill-għassara, kif ukoll lid-Direttorat tal-Agrikoltura tax-xogħol kbir li qed jagħmel f’dan il-qasam.”