Żewġt irġiel baqgħu arrestati wara li ġew mixlija b’attentat ta’ qtil f’Bormla.
Il-każ seħħ it-Tnejn għall-ħabta ta’ tmienja u kwart ta’ filgħodu hekk kif Libjan ta’ sitta u tlettin sena mar l-Għassa ta’ Bormla u qal li kien għadu kemm ġie aggredit f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja.
Minnufih intalbet l-assistenza medika, fejn il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Iż-żewġ akkużati, Sean Grech ta’ tlieta u tletin sena u Johan Cassar ta’ erba’ u tletin sena, kienu mixlija li ħebbew għall-istess raġel, li żammewh kontra l-volontà tiegħu, li kellhom sikkina u li kisru sentenzi tal-Qorti.
Grech waħdu kien mixli wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fit-23 ta’ Novembru 2021.
Iż-żewġt irġiel wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi.
L-avukati tagħhom talbu lill-Maġistrat Abigail Critien biex taħtar espert ħalli jara l-kundizzjoni fiżika u mentali tagħhom, madankollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li jekk jinħatar dan l-espert isir xhud.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat laqgħet it-talba u ħatret lill-Psikjatra Joseph Cassar u lill-Ispiżjar Gilbert Mercieca biex jeżaminaw lill-akkużati.