L-atteġġjament tal-Oppożizzjoni fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar l-enerġija kien mibni fuq l-istorbju minflok fuq l-argumenti raġunati. Innota dan il-Ministru Edward Scicluna li fakkar kif amministrazzjoni Nazzjonalista tilfet l-opportunità li tgħaqqad lil Malta mal-pajp tal-gass Ewropew, minħabba li insista li jkompli juża l-Heavy Fuel Oil.
Id-deputat, Clifton Grima, fakkar x’jgħidu l-esperti fil-dwar il-ħsara tal-Heavy Fuel Oil fuq is-saħħa u nnota l-benefiċċji li se jġib miegħu l-użu tal-gass. Il-Ministru Jose Herrera nnota kif l-oppożizzjoni hija waħedha favur l-użu ta’ dan il-fuel. Qal ukoll li kieku kien għall-Oppożizzjoni, il-power station tal-Marsa ma għalqitx, u l-emmissjonijiet tal-caron dioxide ma kinux jonqsu, kif filfatt ġara. Il-Ministru Chris Cardona qal li l-imġieba tal-Oppożizzjoni wriet li din qed tiddubita xogħol il-Kummissjoni Ewropea, li qed tappoġġja l-proġett tal-enerġija u li ra id-dokumenti kollha.
Il-Ministru Evarist Bartolo fakkar kif is-settur tal-enerġija kien mifni korruzzjoni. Illum huwa mibdul u l-flus li qed ikunu frankati mill-amministrazzjoni ħażina li kien hemm qed ikunu investiti f’inizjattivi soċjali, fl-edukazzjon u s-settur tax-xogħol, emfasizza Bartolo.
Dwar il-falliment li kienet fih l-Enemalta tkellem id-deputat Charles Mangion, li fakkar kif kien hemm theddida ta’ prezzijiet ogħla ta’ enerġija u ġenerazzjoni tal-elettriku li tniġġeż l-arja. Il-Ministru Owen Bonnici rrimarka li l-Gvern attwali qed jagħmel dan ix-xogħol kollu biex ħajjet il-familji Maltin u Għawdxin tkun l-aħjar li qatt kellhom. Dan kuntrarju għal amministrazzjonijiet preċedenti, li fi kliem id-deputat Etienne Grech mhux talli żammet kontijiet għoljin iżda qalet ukoll li ma kienx possibbli li jorħsu.
Diskors imtenni wkoll mid-Deputat Silvio Parnis li saħansitra kien hemm deputati Nazzjonalisti li qalu li kienu se jivvutaw bi-qalb biex jogħlew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Intant il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-investiment fl-impjant tal-gass wassal għal iktar arja nadifa u stabilita fil-pajjiż. Kunċetti li magħġuna flimkien, kienu muturi biex l-aġenziji tal-kreditu taw ratings fenomenali lil Malta.
Għalhekk, fi kliem id-deputat Anthony Agius Decelis, dan huwa Gvern li għandu jkun kburi. Għaliex b’dawn id-deċiżjonijiet għaqlija dwar il-prezzijiet tal-enerġija, ħalla miljuni kbar ta’ ewro fis-sena fil-bwiet tal-familji Maltin.