Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici elenka miżuri li ttieħdu mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Is-sena l-oħra din għamlet 1,130 konsultazzjoni fuq diversi forom ta żvilupp, fosthom mal-Mepa, Transport Malta u entitajiet oħra. Dan huwa 200 aktar mis-sena li għaddiet.
Meta kien qed iressaq il-mozzjoni biex jiġu approvati l-estimi ta’ dħul u nfiq ta’ Patrimonju Malta u Sovrintendenza għall-2016, il-Ministru qal li x-xogħol tas-Sovrintendenza qed jikber sena wara l-oħra. Dis-sena huwa prevvist li l-konsultazzjonijiet se jiżdiedu b’mod aktar radikali għal 4,000, bis-saħħa tar-riforma li saret fil-MEPA li se tgħin fil-ħarsien kulturali.
Il-Ministru Bonnici qal li fl-2015, is-Sovrintendenza ttrattat 223 każ ġdid ta’ monitoraġġ jew 70 aktar mis-sena ta’ qabel. Bis-saħħa ta’ din l-attività intensiva, il-poplu Malti ġawda minn skoperti li kieku ma kinux isiru.
Fost dawn hemm tmien oqbra antiki maqtugħin fil-blat, parti minn triq antika Rumana u fdalijiet ta’ oqbra fis-sit tal-Hydrology Centre fir-Rabat, silos ta’ żmien il-bronż f’żewġ żviluppi separati fis-Safi Aviation Park, stratigrafija punika u rumana fir-Rabat, fdalijiet antiki tal-Kavallieri tul il-proġett tal-bini tal-Coast Road u r-restawr taċ-Ċittadella, Għawdex. Kien hemm is-sejba ta’ fadlijiet f’Ħal Balzan, is-sit tal-Lukanda Phoenicia, 15-il silo tal-qamħ fi Pjazza Kastilja, cart-ruts ir-Rabat, katakombi u 11-il qabar Ruman waqt ix-xogħol ta’ skola sekondarja ġdida f’Ħal Kirkop, xeltrers taħt l-art ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija f’Raħal Ġdid, San Ġwann u Santa Venera.
Huwa qal li hemm obligi ġodda fl-importazzjoni u l-esportazzjonijiet ta’ antikitajiet bhis-saħħa ta’ regoli tal-UE.
Il-Ministru wera solidarjetà ma’ dawk il-pajjiżi mifnija bil-gwerra li fihom qed isir tkissir ta’ wirt storiku.
F’dak li hu xogħol ta’ Heritage Malta, Dr Bonnici elenka proġetti li saru permezz ta’ fondi Ewropej, fosthom il-katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, iċ-Ċentru tal-vizitazzjoni ta’ Ħal Tarxien, il-Forti Sant’ Anġlu u l-Forti Sant’Iermu u Bighi.
Issa qed isir ix-xogħol preparatorju għall-kisba ta’ fondi Ewropej ġodda relatati ma’ xogħol bħal dak tal-mużew tal-arti, il-palazz Presidenzjali, u l-mużew reġjonali tal-arti f’Għawdex.
Huwa qal li saru 230 avveniment kulturali u 30,000 student żaru siti bħala parti mill-curriculum u barra l-curriculum. Il-Ministru ħabbar li qed jikkunsidraw pakkett ta’ inċentivi biex jiżdied in-numru tat-tfal, akkumpanjati minn adulti, li jżuru l-mużewijiet.