Id-Deputat fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, David Casa, esprima d-diżappunt tiegħu li l-Unjoni Ewropea mhix teħodha kontra Malta.
Skontu għandu jsir iżjed u dan qalu meta fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista kien qed jitkellem fuq is-saltna tad-dritt.
Hu ħeġġeġ biex l-Unjoni Ewropea titfa’ iżjed pressjoni fuq Malta.
Qal, “Irrid ngħid li jien m’iniex kuntent anke bil-pressjoni li suppost kellha titfa’ l-Unjoni Ewropea fuq pajjiżna.”
Din mhix l-ewwel darba li l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista David Casa instiga dibattiti fuq Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej u uża l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jattakka lil Malta u lill-Gvern Malti.
Dan għamlu anke jekk l-Unjoni Ewropea nnotat riformi kbar li wasslu biex is-saltna tad-dritt kompliet tissaħħaħ f’pajjiżna.
Casa, li hu wieħed mill-esponenti ewlenin tal-establishment, li jiddetta kif għandu jimxi Bernard Grech, uża l-ħin tiegħu fil-programm biex isellem lil dawk li baqgħu magħrufin bħala tal-Blue Heroes u lill-eks Kap Simon Busuttil.
Inċidentalment sellem ukoll lil Jason Azzopardi sigħat biss wara li kien għadu kif sar magħruf li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabu ħati li kiser il-kodiċi tal-etika meta ma kienx jiddikjara t-tax returns tiegħu.
Qal, “Jien u Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Karol Aquilina, insellmilhom minn hawn.”
Fi programm li fih wassal messaġġi diviżivi dwar il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, qal li l-Laburisti mhumiex kburin b’dak li għamlu eks Prim Ministri Laburisti u l-Prim Ministru attwali.
Waqt li attakka lill-Mexxejja tal-Partit Laburista, hu qal hekk …
Qal, “Anke Laburisti huma kuntenti llum meta jħarsu lura u jaraw il-livelli illi kellhom Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi.”
David Casa għamel ħin twil isemmi x’għamel hu fil-Parlament Ewropew u ftaħar kemm instiga attakki fuq Malta. Dan quddiem theddida li jitteħidlu postu fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.