Aktar federazzjonijiet sportivi ibbenefikaw minn għotjiet finanzjarji li ngħataw minn Sport Malta, biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq proġetti infrastrutturali jew inkella biex itejjbu l-livell tagħhom fl-isports. Is-segretarju Parlamentari għall-Isports Chris Agius qassam €2,500,000 lil 52 federazzjoni sportiva li jinkludu kull tip ta’ sports, minn sparar sa atletika.
Dawn l-assoċjazzjonijiet ħadu l-fondi wara li wettqu proġetti u ssottomettew l-irċevuti lil Sport Malta, li min naħa tagħhom preżentaw lura s-somma kollha li tkun nefqet l-assoċjazzjoni sportiva.
B’sodisfazzjon is-segretarju tal-Malta Racing Club Adrian Figallo qal li dawn it-tip t’għajnuniet għinu biex isir aktar investiment f’apparat teknoloġiku.