Il-pensjonanti mal-Partit Laburista jafu fejn qegħdin u r-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista qed tagħti serħan il-moħħ u stabilità lill-pensjonanti, għax jafu li akbar ma tkun l-isfida, akbar se jkun l-appoġġ li jagħtihom il-Gvern.
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, u l-Membru Parlamentari Romilda Zarb f’konferenza tal-aħbarijiet fejn indirizzaw l-anomalija li nħolqot fil-pensjonijiet mill-Partit Nazzjonalista fl-2006.
Intqal kif ir-realtà hi li fl-2006 inħolqu żewġ kategoriji ta’ pensjonanti u dan daħal fis-seħħ f’liġi iffirmata mill-President ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.
Il-Ministru Michael Falzon elenka kif l-investiment fl-anzjani ma bediex illum. Fl-2016 il-Partit Laburista għolla l-pensjoni minima, b’differenza mill-Partit Nazzjonalista, li ppjana li jgawdu minnha dawk biss li twieldu mill-1962 ’il quddiem.
Il-Partit Laburista fetaħ il-pensjoni għal kulħadd u l-etajiet kollha.
Irrimarka fuq il-fatt li wara ħamsa u għoxrin sena sħaħ fi żmien Gvern Nazzjonalista fejn il-pensjoni kienet fil-friża, il-pensjoni minn meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013 żdiedet b’sebgħin ewro fil-ġimgħa.
Minn dakinhar sal-lum kien hemm tmien żidiet fil-pensjoni għal kulħadd. Huma min huma, twieldu meta twieldu.
Ġew elenkati diversi miżuri li wettaq Partit Laburista fil-Gvern fejn fosthom ġie introdott ukoll bonus għal min ma kellux biżżejjed bolol u hemm ġew miżjuda elfejn pensjonant ġdid. Kien hemm għajnuniet oħrajn fosthom it-traħħis tas-servizzi tad-dawl u l-ilma.
Il-Gvern qiegħed ukoll fil-proċess li jirranġa l-pensjoni tar-romol fejn mhux biss jieħdu ż-żieda kollha, imma li l-pensjoni tar-romol tingħata kollha kemm hi.
B’differenza minn issa fejn il-kumpens għall-għoli tal-ħajja jingħata b’mod sħiħ, taħt Gvern Nazzjonalista l-poplu Malti u Għawdxi kien jingħata biss żewġ terzi tal-COLA.
Il-Ministru Falzon qal li dan il-Partit hu kommess li jibda jindirizza l-inġustizzji li għamel ħaddieħor.
Qal, “L-ewwel klassi u t-tieni klassi ħoloqhom l-istess Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern fl-2006. Issa rridu nibdew naraw kif se nsewwu l-ħsara li għamel ħaddieħor u aħna kommessi li dik il-ħsara nibdew insewwuha b’mod gradwali, nibdew insewwuha, bħalma għamilna, u inġustizzji oħrajn għax jekk hawn xi ħadd li jemmen li m’għandux ikun hawn distinzjoni bejn kull ċittadin Malti u Għawdxi huwa l-Partit Laburista.”
Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Romilda Zarb, qalet li Gvern Nazzjonalista ma jistax ikun kreddibli meta jitkellem fuq is-settur soċjali. Tenniet li Gvern Laburista għandu idejh fuq il-polz tal-poplu anke fi żminijiet diffiċli.
Qalet, “Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela għandu idejh fuq il-polz tal-poplu anke fi żminijiet ta’ sfida internazzjonali mingħajr l-ebda preċedent. Bħala Gvern aħna konna, għadna u nibqgħu nagħrfu l-importanza li ninvestu fiċ-ċittadini tagħna biex nassiguraw dejjem li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fl-istess konferenza tħabbar li fil-baġit li jmiss il-pensjonanti se jkunu qed jerġgħu jaraw żieda fil-pensjoni tagħhom, se jerġgħu jingħataw iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, b’mod sħiħ u matul din il-leġiżlatura, il-pensjoni se tkun qed tiżdied bi ħmistax-il ewro fil-ġimgħa.