Il-kanzunetta ‘Il-Baħħ u Jien’, interpretata minn Christian Arding, bi kliem ta’ Natasha Grima u mużika tal-istess Grima u Charlene Grech, ġiet iddikjarata r-rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2023. Arding ukoll ingħata l-Premju Enzo Gusman għall-Aħjar Interpretazzjoni.
Is-47 edizzjoni tal-konkors annwali ttellgħet nhar is-Sibt fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-sittax-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela.
Għal dan il-konkors ġew sottomessi b’kollox 142 kanzunetta oriġinali.
Il-kanzunetta rebbieħa, ‘Il-Baħħ u Jien’ tittratta l-isfidi ta’ persuni bi ħsibijiet ta’ suwiċidju u hi mnebbħa minn storja vera. Fiha jinstemgħu l-ħsibijiet ta’ raġel li jsibha diffiċli jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu u li jixtieq isib min jifhmu u jgħinu.
Fit-tieni post ġew Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri, bil-kanzunetta ‘Meravilja’, filwaqt li ‘Katina’, interpretata minn Laura Bruno, ikklassifikat fit-tielet post.
Jean Claude Vancell rebaħ il-Premju għall-Aħjar Kantawtur bil-kanzunetta ‘Monokrom’, bi kliem u mużika tiegħu stess.
Il-Premju għall-Aħjar Tema Soċjali mar għand Lon Kirkop bil-kanzunetta ‘Għadu Ma Sarx’, interpretata minn Kelsey Bellante.
Il-kumitat organizzattiv ippreżenta wkoll il-Premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Mary Galea, magħrufa bħala Merga, għall-kontribut tagħha lill-kanzunetta Maltija.