Bħal-lum mija u seba’ snin ilu, fis-sitta ta’ Awwissu tal-elf disa’ mija u sittax twieled il-Perit Duminku Mintoff, it-tmien Prim Ministru ta’ Malta u r-raba’ Mexxej tal-Partit Laburista.
It-tielet wild minn disgħa tal-koppja Wenzu u Ċetta, Mintoff twieled f’Bormla.
Il-Perit Mintoff studja u gradwa mill-Università ta’ Malta, waqt li studja wkoll barra, fl-Università ta’ Oxford.
Hu serva bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u wara kien Deputat Mexxej mal-Mexxej ta’ dak iż-żmien, it-Tabib Pawlu Boffa. Mintoff kien Deputat Prim Ministru u kien il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u r-Rikostruzzjoni, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-ewwel Gvern Laburista ta’ Pawlu Boffa.
Wara d-differenzi ma’ Boffa li wasslet għall-isplit fil-Partit Laburista, Mintoff sar Mexxej Laburista f’Ottubru tal-elf disa’ mija disgħa u erbgħin.
Il-Perit Dom Mintoff serva bħala Prim Ministru ta’ Malta f’erba’ leġiżlaturi differenti. L-ewwel waħda tiegħu kienet dik tal-elf disa’ mija ħamsa u ħamsin, meta Malta kienet għadha kolonja tal-Gvern Ingliż.
Wara li Malta kisbet l-Indipendenza, Mintoff sar Prim Ministru fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin u baqa’ jmexxi lill-pajjiż sal-elf disa’ mija erbgħa u tmenin, hekk kif ħalla postu lil Karmenu Mifsud Bonnici.
Fost l-akbar kisbiet li ġraw f’Malta taħt it-tmexxija tal-Perit Mintoff kien hemm dik tal-kisba tal-Ħelsien, meta fl-aħħar ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin, il-bażijiet militari Ingliżi telqu darba għal dejjem minn pajjiżna.
Hu ħaddan il-politika favur il-ġustizzja soċjali, favur il-faxex t’isfel tas-soċjetà u tal-ħaddiem, waqt li ħaddan ukoll il-politika tan-newtralità. Kemm-il darba tkellem f’fora internazzjonali favur il-paċi madwar id-dinja, speċjalment fil-Mediterran, inkluż fis-Summit tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa f’Ħelsinki ħamsin sena ilu.
Il-Perit Duminku Mintoff ħalla din id-dinja fl-għoxrin t’Awwissu tal-elfejn u tnax.