F’każ ta’ xiri ta’ rhibs għal fuq il-baħar u li Transport Malta ma kinetx kuntenta bihom tant li ma ħallsitx, il-Partit Nazzjonalista qed jattakka fid-deher u jiddefendi minn wara l-kwinti.
Fil-fatt kien żvelat li l-kumpanija li provdiet ir-rhibs u li Transport Malta qed iżżomm soda fil-konfront tagħha għandha jiddefendiha lid-Deputat Joe Giglio.
Biex jipprova jaħbi l-kunflitt ta’ interess wara li nqabad, Joe Giglio qal lill-Maltatoday li qed jipprova jimmedja.
Iżda, il-korrispondenza li ra ONE NEWS u li l-Maltatoday tagħmel referenza għaliha tixhed kif Giglio mhux jimmedja qiegħed, iżda jitlob lil Transport Malta tħallas għal dak li sal-lum ma ħallsitx.
Transport Malta ma ħallsitx għax mhix kuntenta bil-prodott ipprovdut.
Giglio talab laqgħa u hedded li jekk ma jsirx dan jieħu passi l-Qorti.
U filwaqt li Transport Malta żżomm sod quddiem dan it-theddid ta’ Giglio, il-Kelliem Nazzjonalista Ivan Castillo joħroġ jgħajjarha u jitlob investigazzjoni.
Dan anke jekk Transport Malta diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tiddefendi l-interessi tagħha, liema passi sabet lid-Deputat Joe Giglio jiġġildilha għalihom.
Interessanti ħafna li Giglio kiteb lil Transport Malta wara li l-każ kien diġà fil-pubbliku u l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrijiet dwaru.
Każ bħal dan juri kif kontinwament il-Partit Nazzjonalista jipprova jagħti impressjoni ta’ pożizzjoni mod, meta min wara jkollu min qed jieħu pożizzjoni mod ieħor.
Filwaqt li din mhux l-ewwel darba li Giglio nqabad b’pożizzjoni kuntrarju għal dik li jkun qed jieħu l-Partit Nazzjonalista fid-deher. Fid-Dar Ċentrali mhuma kuntenti xejn b’din is-sitwazzjoni.
Saħansitra il-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista u Repubblika kienu qalu li Giglio jitradixxi l-obbligi kostituzzjonali tiegħu, b’Giglio spiċċa attakkat ukoll mid-Deputat Karol Aquilina li joħroġ fuq l-istess distrett tiegħu.