Waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-logħob dinji tal-Ispecial Olympics li saru f’Berlin il-Ġermanja, li kienu ta’ suċċess kbir għall-atleti Maltin tant li nkisbu b’kollox 32 midalja – 16 tad-deheb, 11 tal-fidda u 5 bronż.
Hu ċertament ta’ sodisfazzjon għall-ġenituri ta’ Gareth Borg li rnexxielu jirbaħ 3 mill-midalji tad-deheb fiċ-ċikliżmu. Wara tant sagrifiċċji, matul is-snin, Tony u Sandra Borg rrakkontawlna dwar l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ Gareth għal dan l-isport sa minn età żgħira.
Qal, ‘Aħna konna morru bir-rota, minn dejjem konna mmorru bir-rota u għedna għaliex ma nibdewx nittrenjaw lil Gareth ukoll, biex jibda jiġi magħna u xtrajnilu rota, niżżilnih ix-xatt, hawnhekk Birżebbuġa, u bdejna niġru miegħu bir-rota. U mill-ewwel tgħallimha u ura li għandu nteress, ħa xi żewg ċkanaturi, normali biex titgħallem ir-rota.”
Minn fost 22 atleta Malti u l-Unified partners kienu biss Luke Burke fil-Bowling u Gareth Borg fiċ-ċikliżmu li rebħu tliet midalji tad-deheb personali.
Beda jaqdef fl-2014 flimkien mal-ġenituri u ċiklisti oħrajn li lkoll saru ħbieb tiegħu, b’rikbiet fit-toroq Maltin, imma mhux biss, għax kellu esperjenzi fi Sqallija u f’Lago di Garda fl-Italja, u s-Slovenja. Jitħarreġ is-sena kollha, sajf u xitwa. Għamel taħriġ mal-klabb tal-Mosta, f’Ta’ Qali u fit-trakka ta’ Ħal Far. Erba’ snin ilu ħa sehem fil-Logħob Dinji ta’ Abu Dhabi fejn ukoll kiseb l-ewwel midalja tal-fidda.
Omm Gareth, Sandra qalet li t-triq fil-bidu dehret għat-telgħa u mhux dejjem kienet ward u żahar. Stqarret magħna li tagħmel kuraġġ lil dawk il-ġenituri li kultant jibdew jaqtgħu qalbhom. Qalet li wara s-sagrifiċċji, issa bdew jaqtgħu l-frott.
Stqarret, ‘Sagrifiċċji jkun hemm dejjem, imma meta tagħmilhom mill-qalb u tara lit-tifel miexi ’l quddiem u qed jirrispondi u qed jieħu pjaċir u jmur tajjeb, lanqas tibqa tqishom bħala sagrifiċċji.’
Qaltilna kif kien ipparteċipa fiċ-ċikliżmu għall-ewwel darba.
Qalet, ‘Kien iqum kmieni, jiġifieri gost u pjaċir tiegħu. Ma kontx inqajmu jien. Għedt mela la jum kmieni immorru dawra rota. Qabel l-iskola. Dejjem qisek iżżid biċċa, imbagħad kien imur ma’ Special Olympics, jiġri, l-Athletics. Kont ngħidilhom li dan jiprometti fir-rota u hekk. Dak iż-żmien ma kellhomx kowċis. Imbgħad tlajna Ċipru biex itellaq fil-ġiri f’xi National Games u kienu qaluli hawn xi kompetizzjonijiet tar-rota, trid nidduwalu rota u jieħu sehem. Għedtilhom nippruvaw. Selfuna rota, meta ħaddieħor ġab ir-roti u hekk u tellaq magħhom u rebaħ żewġ midalji tal-fidda.”
Illum il-ġurnata, Gareth jaħdem ukoll. Ma jaqta’ qalbu qatt. Minbarra s-sehem tiegħu fl-Ispecial Olympics u s-suċċess li kiseb, hu wkoll tal-mużika u jdoqq id-drums.
Tlabna lil Gareth Borg jgħidilna xi jfisser għalih dan is-suċċess li kiseb. Fuq kollox, xtaq irodd ħajr lil Special Olympics Malta li tawh din l-opportunità.
Qal, ‘Sodisfatt ħafna li qdift fil-logħob dinji bil-gear ta’ Malta u għamilt unur lil Malta. Grazzi.’