Raġel ta’ disgħa u tletin sena minn Ħal Qormi baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ serq u li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna oħra.
Huwa ġie akkużat ukoll li kkawża ġrieħi fuq uffiċjal tal-Pulizija waqt l-arrest tiegħu fil-Marsa.
Il-każ seħħ jumejn ilu, fi Triq is-Serkin, meta l-Pulizija rrispondew fuq talba għall-għajnuna fl-imsemmija triq u sabu argument bejn żewġt irġiel u mara.
Meta l-uffiċjali marru biex jarrestaw lir-raġel, li allegatament darab lir-raġel l-ieħor, dan irreżistihom b’qawwa u fil-fatt, ONE News huwa nfurmat li kellha tintuża l-BolaWrap u anki t-taser biex iżżomm lir-raġel milli jkun vjolenti.
Minkejja dan, kien hemm uffiċjal tal-Pulizija li ndarab ħafif waqt l-arrest.