Għat-tlett ijiem li ġejjin, it-temp f’pajjiżna mistenni joffri ftit aktar nifs mill-qilla tax-xemx u jinżel taħt it-tletin gradi Celsius.
B’differenza mit-temperaturi rekord li kellna fl-aħħar jiem, issa s-sit uffiċjali tal-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li minn għada sa nhar it-Tnejn, it-temperatura mhux mistennija taqbeż it-28 jew id-29 gradi Celsius.
Fl-istess ħin, f’dawn il-jiem li ġejjin, il-pajjiż se jinħakem minn riħ qawwi mill-Majjistral li se jlaħħaq il-qawwa ta’ forza sitta.
Kawża ta’ dan, il-vapuri tal-fast ferries, li jwasslu l-passiġġieri mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr Għawdex u viċi-versa, diġà ħabbru li ħassru l-vjaġġi kollha għas-Sibt u l-Ħadd.
Minkejja dan, minn nhar it-Tlieta t-temperaturi jerġgħu għal li kienu u se jaqbżu t-tnejn u tletin grad Celsius.
Fil-fatt bħalissa fuq fomm ħafna hemm il-mistoqsija jekk fi żmien Santa Marija hux se jerġa’ jkollna mewġa oħra ta’ sħana kbira.
Jidher li bosta bassara qed jindikaw li f’dik il-ġimgħa, li sservi ta’ vaganzi għal bosta, pajjiżna aktarx jintlaqat minn mewġa oħra qalila. Dan anke jekk il-qawl Malti jgħidha ċara – Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu. Imma jekk is-sħana tkunx segwita mill-ewwel xita, għad irridu nistennew u naraw.
Dawn iż-żminijiet, fejn it-temp jitħawwad xi ftit, il-bdiewa jkunu qed jistennew dawk magħrufin bħala l-Għarajjex ta’ Santa Marija. Jiġifieri s-sħab irqiq li jifforma fl-ajru lejn nofs Awwissu, aktarx ikun sinjal li l-ajru se jibda jiffriska xi ftit.
Fl-aħħar ġimgħat, pajjiżna, bħal pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, esperjenza temp estrem li saħansitra laħaq mal-45 gradi Celsius. Wara għexieren ta’ snin ukoll, pajjiżna laħaq rekord tal-ogħla temperatura li kienet ġiet irreġistrata fl-1999.
Dan wassal għal numru tal-ogħla twissijiet mill-awtoritajiet lokali biex il-pubbliku jkun kawt u attent minħabba l-qawwa tax-xemx u s-sħana.