Dsatax-il produttur lokali tal-films ngħataw total ta’ miljun u ħames mitt elf ewro għall-produzzjonijiet tagħhom.
Dan bħala parti mill-iskema Creative Malta mmexxija mill-Kummissjoni tal-Films.
L-iskema għandha l-għan li toffri għajnuna finanzjarja lill-produtturi lokali tal-films li diġà huma stabbiliti fl-industrija u sservi ta’ spalla li jridu jibnu karriera fl-industrija tal-films.
Il-proċess sar aktar faċli għall-produtturi bi proċess ta’ applikazzjoni aktar sempliċi li jiffoka fuq il-kreattività.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni tal-Films qalet li l-impenn tagħha hu li televa l-film Malti għal livelli ġodda. Qalet li Creative Malta hija skema waħda minn għadd ta’ inizjattivi tal-gvern li jagħtu appoġġ lill-produzzjonijiet lokali u l-produtturi lokali.
Qalet li biex tkomplu tkun ta’ appoġġ għall-produzzjonijiet lokali, il-kummissjoni estendiet ukoll l-inizjattiva tar-rifużjoni li tista’ tlaħħaq sa 50%.