Dalhħodu, l-Isqof Emeritu Mons. Paul Darmanin u oħtu Mary Darmanin ingħataw l-aħħar tislima.
Fis-7:30, il-katavru ta’ Mons. Darmanin kien espost fil-kappella tal-Lunzjata f’Ħaż-Żabbar.
Fit-8:45 telaq il-korteo għas-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fejn umbgħad saret quddiesa praesente cadavere fid‑9:30.
Waqt l-istess quddies ingħatat l-aħħar tislima lil oħtu, Mary Darmanin. L-Arċisqof Charles Scicluna ppresieda il-quddies. Waqt l-Omelija, l-Arċisqof ta’ Malta fakkar fit-tjubija tal-Isqof Darmanin u ta’ oħtu u faħħar il-ħidma kontinwa tiegħu lejn dawk fil-bżonn.
Miegħu kien hemm jikkonċelebraw: is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, il-Kardinal Malti Mario Grech, in‑Nunzju Appostoliku l‑Arċisqof Savio Hon Tai‑Fai, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, l‑Arċisqof Emeritu ta’ Tiranna‑Durres George Frendo OP, l‑Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, is‑Segretarju tan‑Nunzju Mons. Dennis Kuruppassery u l‑komunità tal‑patrijiet Kapuċċini u saċerdoti oħra.
L-Isqof Darmanin miet fil-25 ta’ Lulju fl-eta ta’ 82 sena. Huwa kien l-ewwel Isqof tad-djoċesi ta’ Garissa fil-Kenja u dam imexxiha sal-2015 fejn wara rtira hawn Malta u għex f’kunvent tal-Franġiskani Kapuċċini fil-Furjana.
Id-difna saret fil-kripta ta’ taħt il-Knisja tas-Salib Imqaddes fil-Furjana. Kulħadd kien mistieden jingħaqad mal-Ordni Franġiskan fit-talb għal ruħ l-Isqof Pawlu Darmanin OFM Cap.