Il-pittura ‘Judith and Holofernes’ li tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali se tkun esebita fil-Mużew ta’ Louvre f’Pariġi fil-wirja, Valentin de Buologne: Beyond Caravaggio. Din il-wirja qed tittella’ biex tfakkar lill-artist Franċiż.
De Buologne (1591-1632) kien segwaċi ta’ Caravaggio u kien ukoll wieħed mill-aqwa artisti tas-seklu 17 fl-Ewropa. Wara l-mewt ta’ Caravaggio, de Buologne kien fost l-ikar artisti oriġinali tal-pitturi naturalisti ġodda.
Il-pittura ‘Judith and Holofernes’ se tkun għall-wiri fil-Louvre bejn l-20 ta’ Frar sat-22 ta’ Mejju wara li sas-16 ta’ Jannar il-pittura kienet esebita fil-Metropolitan Museum of Art fi New York. Il-wirja fil-Louvre se taħbat ukoll max-xhur li Malta se jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Mużew ta’ Louvre għandu l-akbar ammont u l-aktar xogħlijiet importanti ta’ Buologne.
Is-self ta’ din il-pittura mill-kollezzjoni ta’ Heritage Malta huwa wieħed eċċezzjonali u inċidentalment din il-pittura kienet mislufa wkoll fl-aħħar wirja ddedikata lil artisti Franċiżi segwaċi ta’ Caravaggio, fosthom Valentin de Buologne. Din il-wirja kienet saret fl-Akkademja Franċiża ta’ Ruma u fil-Palazz il-Kbir f’Pariġi fl-1973.