Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista, li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna tiġi liberalizzata, diġà wasslet għal żidiet qawwija fil-prezzijiet tad-dawl f’pajjiżi fl-Ewropa, inkluż fir-Renju Unit li kien illiberalizzah fl-1999.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta MaltaToday hekk kif spjegat kif jaħdem is-suq tal-enerġija meta dan jiġi liberalizzat.
Fil-fatt, il-MaltaToday tirrimarka li r-Renju Unit kien pijunier fil-qasam, partikolarment b’rabta mal-proċess ta’ liberalizzazzjoni hekk kif proprju għamel dan lura lejn l-aħħar tad-disgħinijiet.
Skont il-Konferedazzjoni tat-Trejdunjins Ewropej, l-ETUC, din il-liberalizzazzjoni fir-Renju Unit wasslet biex il-prezzijiet tad-dawl malajr għolew b’rata mgħaġġla.
Fl-istess ħin, il-kumpaniji li kkompetew fis-suq ħieles ġew ukoll akkużati li kienu qed jieħdu vantaġġ minn fuq il-konsumaturi Brittaniċi, b’mod partikolari persuni vulnerabbli, bħall-anzjani, biex fl-aħħar mill-aħħar jużaw is-servizzi tagħhom.
Il-MaltaToday irrapportat dan fl-isfond tad-dibattitu li sar fil-programm XTRA it-Tnejn bejn il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u d-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Fil-fatt, il-MaltaToday tgħid ukoll li minkejja li l-Partit Nazzjonalista issa qed jipproponi li s-suq tal-enerġija f’pajjiżna jiġi liberalizzat, lura fl-2008, proprju l-istess Partit Nazzjonalista mill-Gvern u sorsi fi ħdanu kienu kontra din l-istess proposta.
ONE News hu informat li, f’ċirku ristrett tal-PN, dak iż-żmien kien ingħad li kienet tkun “ġennata” jekk il-pajjiż imur għal-liberalizzazzjoni tas-suq fid-distribuzzjoni tal-enerġija.
Sadanittant, il-MaltaToday rrimarkat kif iż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet tal-enerġija kkawżati mill-Gwerra fl-Ukrajna, komplew jitfgħu enfażi fuq il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-enerġija.
Dan anke fid-dawl ta’ Artiklu 4 mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea li tirregola s-swieq tal-enerġija u tobbliga l-istati membri biex jixtru l-elettriku mingħand fornitur tal-għażla tagħhom.
Malta għandha deroga minn dan l-artiklu partikolari, bil-Ministru Miriam Dalli fl-istess programm televiżiv issostni li l-Partit Nazzjonalista bil-proposta tiegħu qata’ qalbu kompletament milli jwassal każ b’saħħtu biex din d-deroga favur pajjiżna terġa’ tiġi estiża.
“Meta qed jgħid li d-deroga tispiċċa fl-2027, qed jigdeb u ma qarax id-Direttiva, għax li għandna fid-Direttiva huwa li nistgħu nitolbu għal estenzjoni ta’ dik id-Direttiva, imma tipikament Partit Nazzjonalista li jaqta’ qalbu qabel jibda. Jiena deroga nnegozjajt għal waħda, tnejn, tlieta meta niġu għas-sitwazzjoni nazzjonali ma naqtax qalbi li ninnegozja derogi.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Lil hinn mill-proposta tal-Partit Nazzjonalista li s-suq tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna għandu jiġi liberalizzat, il-Kummissjoni Ewropea wkoll qed tikkunsidra direttiva ġdida li żżid il-protezzjoni fuq konsumaturi vulnerabbli biex ikun assigurat li jibqgħu jgawdu mis-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Minkejja dan, l-istess Kummissjoni Ewropea mhix qed tikkunsidra mill-ġdid il-politika tagħha tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija.