Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra moviment rekord ta’ 3.43 miljun passiġġier, b’żieda ta’ kważi 6% fuq l-2019, is-sena ta’ qabel bdiet il-pandemija tal-COVID-19.
Minn dawn kien hemm ukoll rekord ta’ turisti ta’ kważi miljun passiġġier, b’żieda ta’ madwar 62,000 fuq erba’ snin ilu, waqt li n-nefqa tagħhom żdiedet b’aktar minn €100 miljun fuq dakinhar.
Fil-fatt fl-ewwel ħames xhur tal-2023, in-nefqa totali tat-turisti ammontat għal iżjed minn €750 miljun.
Din fissret qabża qawwija meta mqabbla man-nefqa rreġistrata fl-istess perjodu ta’ erba’ snin ilu, li kienet ta’ €648 miljun, u dik irreġistrata fl-2022 ta’ kważi €480 miljun.
B’hekk iż-żidiet irreġistrati issa bejn Jannar u Mejju kienu ta’ iżjed minn €102 miljun fuq l-2019 u iżjed minn €270 miljun fuq is-sena li għaddiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-ammont ta’ passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-ewwel nofs tas-sena kien ta’ 6% aktar minn dak tal-2019, meta kien irreġistrat l-aħħar rekord ta’ passiġġieri.
Jirriżulta li sa April kienu diġà għaddew rekord ta’ 700,000 passiġġieri mill-MIA, liema ammont erba’ snin ilu kien intlaħaq xahrejn wara, jiġifieri f’Ġunju.
Tul dan il-perjodu, 3.43 miljun passiġġier għadda mill-Ajruport Malti, żieda ta’ kważi 5.6% mill-2019.
B’rabta mat-turisti, ħareġ li, fil-perjodu tal-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, l-għadd ta’ dawk li waslu f’pajjiżna kien ilaħħaq għal kważi miljun persuna.
Fl-istess perjodu, fl-2019, kienu rreġistrati turist, filwaqt li fl-2022, ġew irreġistrati 670,358 turist.
B’hekk, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ġiet irreġistrata qabża ta’ 52.8% ta’ turisti fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Is-seat load factor, kull xahar, baqa’ iżjed minn dak fl-2019, bl-ogħla persentaġġ ta’ 86% irreġistrat f’Ġunju.
Ġie spjegat li sitta minn għaxar swieq irkupraw jew qabżu l-livelli tal-2019. Dan filwaqt li l-konnettività irkuprat b’86%, b’total ta’ 102 ajruporti u 25 linja tal-ajru differenti.
Ġie rreġistrat ukoll titjib f’diversi fatturi, fosthom mill-moviment tal-passiġġieri, il-moviment tal-ajruplani, posta u l-cargo, fost l-oħrajn.
It-traffiku tal-ajru kiseb ukoll perċentwali aqwa mill-2019.
Sadanittant il-kumpanija, li tmexxi l-Ajruport, ħabbret li rreġistra dħul ta’ €53.6 miljun, b’żieda ta’ 43.8% fuq l-2022.
L-aktar pajjiżi li ġew passiġġieri minnhom, kienu r-Renju Unit, l-Italja, Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u Spanja.
Il-perċentwali tal-etajiet li żaru Malta żdiedu anke fuq l-2019, bl-eċċezzjoni tal-grupp ta’ aktar minn 65 sena, li esperjenza tnaqqis ta’ 4.9%.
L-aktar raġuni li żaru pajjiżna għaliha, kienet għal vaganza, b’9.5% aktar mill-2019. L-infiq tat-turisti, kien l-aħjar fost it-turisti Amerikani, li nefqu kull wieħed medja ta’ €199 kull lejl jew €1,229 tul il-vaganza tagħhom.
Il-linja tal-ajru RyanAir, baqgħet l-aktar linja li ġġib turisti lejn pajjiżna u bl-aktar ammont ta’ destinazzjonijiet.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport, Alan Borg, li spjega xi jfissru dawn iċ-ċifri pożittivi, għal din l-industrija u l-prospetti li qed iġġib magħha.
“Kienu sitt xhur tajbin ħafna. Ksibna tkabbir fuq l-2019, rekord ta’ 6%, jiġifieri, kważi 3.5 miljun passiġġier. Il-mira tagħna hi li nilħqu in-numri li kellna fl-2019, jekk mhux naqra aħjar. Qed nistennew li jkollna sena rekord, jiġifieri l-prospetti huma tajbin ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, fisser fid-dettal, kif minkejja diversi sfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa, kienu numerużi dawk li għażlu lil pajjiżna, flok il-kompetituri.
“Kellna żidiet minn diversi pajjiżi, fosthom l-Italja, Franza, il-Polonja, l-Olanda, l-Iżvizzera u oħrajn, dawn it-turisti ħallew f’pajjiżna 750 miljun fl-ewwel ħames xhur tas-sena, li hi żieda sostanzjali fuq l-2019. Ġew f’pajjiżna minkejja li kellhom inqas x’jonfqu għax il-ħajja fl-Ewropa għoliet.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef