Gvern Laburista qed idaħħal riformi fis-settur tal-kostruzzjoni li qatt ma saru qabel. Kieku l-Partit Nazzjonalista kien jieħu azzjoni daqskemm jikteb stqarrijiet allura kieku wara kwart ta’ seklu fil-Gvern ma kienx iħalli setturi bi standards li mhux xierqa fl-istess ħin li ħalla l-ekonomija staġnata.
Il-Konsultazzjoni Pubblika li għadha kemm għalqet dwar ir-Rekwiżiti Minimi għar-rendiment fl-użu tal-Enerġija għall-Bini hija riforma oħra f’kullana sħiħa ta’ bidliet li l-Gvern Laburista qed jagħmel għal aktar sostenibbilità fis-settur.
Il-Partit Laburista jfakkar li fl-aħħar ġimgħat daħal fis-seħħ l-Avviż Legali li għall-ewwel darba qed jintroduċi l-obbligu li kull kuntrattur f’Malta jkun liċenzjat. Din hija riforma li Gvernijiet Nazzjonalisti kienu ilhom jitkellmu dwarha snin twal u qatt ma wettqu. B’din ir-riforma qed ikunu definiti r-responsabbiltajiet u l-ħiliet meħtieġa biex wieħed jikseb il-liċenzja ta’ kuntrattur u min ma jilħaqx il-kriterji mitluba, ma tinħariġlux liċenzja. Barra minn hekk, għadha għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar riforma sħiħa għal Liċenzja tal-Bennej li r-regolamenti dwarha ilhom jeżistu għexieren ta’ snin u li ftit li xejn inbidlu mal-medda taż-żmien.
Il-Partit Laburista jtenni li l-prijorità tal-Gvern Laburista tibqa’ li jgħolli l-istandards f’kull settur u bir-riformi li qed jintroduċi qed jagħti prova ta’ dan. Ir-riformi li qed isiru għandhom bħala għan aħħari li kull min huwa serju f’din l-industrija jista’ jaħdem, imma min mhux lest jimxi mar-regolamenti l-ġodda, ma jkunx postu f’din l-industrija. Fuq kollox kull min ikun responsabbli minn proġett irid jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà mhux biss ta’ dawk li qed jaħdmu miegħu iżda wkoll is-saħħa tan-nies u r-rispett lejn il-komunità. Dak kollu li qed jagħmel il-Gvern Laburista huwa mmirat lejn aktar serjetà, responsabbiltà u kwalità aħjar fl-industrija tal-kostruzzjoni.