Coach Taljan tal-basketball, ta’ 41 sena u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati li allegatament abbuża sesswalment minn tfajla ta’ ħmistax-il sena.
L-allegat każ seħħ fil-bidu ta’ Lulju li għadda f’Parma, l-Italja, meta l-coach, li ilu jgħix f’pajjiżna għal diversi snin, ħa lill-istudenti tiegħu għal tournament.
Jirriżulta li kien proprju meta dawn waslu lura Malta li t-tfajla għamlet rapport lill-Pulizija li l-coach tagħha kien abbużaha sesswalment.
Min-naħa l-oħra, fil-Qorti tqajmu argumenti mal-avukat tal-parte civile Victor Bugeja, li stqarr kif it-tfajla tinsab imwerwra u trawmatizzata.
Minkejja dan, il-Maġistrat Victor Axiaq, li qed jisma’ l-każ, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest, anke minħabba l-fatt li l-vittma għad trid tixhed.
Il-każ ikompli.