F’ittra li bagħat lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, ċaħad b’mod kategoriku li kien żgwida lill-Parlament f’informazzjoni li ppreżenta fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari li saritlu ftit tal-ġimgħat ilu.
Fi kwistjoni instigata minn Shift News dwar jekk iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta kellux xi onorarja bħala parti mill-bord tal-linja nazzjonali, fl-ittra tiegħu l-Ministru Caruana ċċara kif David Curmi ma jirċievi l-ebda ħlas simili f’dan ir-rigward.
Dan kif kien ingħad fit-tweġiba Parlamentari tiegħu.
Hu żied jgħid li Curmi jirċievi biss il-ħlas biex imexxi l-kumpanija.
Din id-dikjarazzjoni lill-Ispeaker saret fid-dawl tar-rapport qarrieqi fejn ġie allegat li l-Ministru kien żgwida lill-Parlament.