Waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, spikka l-pjan ċar tal-Gvern, li ppreżenta lill-imsieħba soċjali dwar azzjonijiet konkreti li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, kontra l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jrid jerġa’ jgħolli l-kontijiet tad-dawl billi jilliberalizza s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Fi kliem ieħor, iħalli s-suq, isuq.
Fil-programm, ippreżentat minn Saviour Balzan, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, spjegat kif, b’mod immedjat, il-Gvern se jirdoppja l-investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Qalet li dan se jfisser iżjed ċentri ta’ distribuzzjoni, iżjed sub-stations u iżjed kilometri ta’ cables biex f’każ ta’ ħsarat ikkawżati minn mewġiet ta’ sħana oħrajn jew temp estrem ieħor fil-Mediterran, it-tekniċi tal-Enemalta minnufih ikunu jistgħu jagħtu l-provvista b’aktar konnessjonijiet u sistemi alternattivi milli diġà hemm.
Il-Ministru Dalli spjegat b’eżempji konkreti l-pjan ta’ investiment ta’ €90 miljun, kif imwiegħed fil-manifest ‘Malta Flimkien’ li kien diġà beda, iżda issa qed jissaħħaħ u mħaffef.
Qalet, “Nirdoppjaw il-kapaċità ta’ tliet distribution centres, Marsaskala, Ħal Tarxien u l-Imrieħel. Dawk għamilnihom u issa se nkunu qed nirdoppjaw il-kapaċità ta’ żewġ distribution centres oħrajn – wieħed f’St Andrews u ieħor f’San Ġwann. Tkellimna dwar il-ħtieġa li nagħmlu distribution centre ġdid fin-Naxxar. Biex nilqgħu għal din ir-realtà. Qed inħarsu lejn erba’ distribution centres ġodda – u nafu fejn – in-Naxxar, is-Siġġiewi, in-naħa tar-Rabat u n-naħa tal-Kottonera. Pereżempju fil-manifest elettorali tkellimna dwar 200 substation ġdida fuq temp ta’ ħames snin. Dak l-ammont irridu naċċellerawh.”
Quddiem dan kollu, l-Oppożizzjoni ħarġet tiddikjara li s-soluzzjoni tagħha hi li tilliberalizza s-sistema tad-distribuzzjoni, iżda l-Ministru Dalli spjegat li din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tfisser biss li, f’kull kont tad-dawl, il-Maltin u Għawdxin jibdew isibu linja ġdida fil-kont li tispjega l-ammont żejjed li jridu jibdew iħallsu.
Qalet, “Ħa ngħidlek jien xi tfisser it-triq li intom tridu tmorru fiha. Meta kont nogħqod Brussell, u dawn għandhom din is-sistema, mal-kont, u dan kien leaflet li kellna, iżidlek distribution cost, 43% of the bill. Taf xi tfisser distribution cost? Tfisser li l-Partit Nazzjonalista jrid li jżidlek linja fil-kont li fil-każ tagħna tiswa €438. Taf xi tfisser il-liberalizzazzjoni li trid int? Fid-Danimarka jħallsu 59ċ żejda għal kull unit tad-dawl. Fil-Belġju jħallsu 45ċ. Fir-Repubblika Ċeka 39ċ. Imbagħad trid tiġi tbellagħha lin-nies li se traħħas it-tariffi.”
Waqt l-istess programm, il-Ministru Dalli wriet ukoll kif il-Partit Nazzjonalista lanqas jaf kif taħdem is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta.
Dan hekk kif il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mark Anthony Sammut qed isostni li s-sistema li għandna bħalissa għandha ‘N minus 1’, jiġifieri kapaċità u cables alternattivi għal meta jinqalgħu l-ħsarat biss fil-livell ta’ vultaġġ ta’ 33 kilovolt u fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni.
Il-Ministru spjegat li fil-fatt, l-‘N minus 1’ tinsab ukoll fil-livelli aktar ’l isfel tas-sistema tad-distribuzzjoni, fosthom fil-cables li jwasslu l-elettriku fis-substations u fis-substations infushom.