Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Roderick Cassar, mixli bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar, fit-22 ta’ Novembru li għadda.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, xehed l-Ispettur Wayne Camilleri, li esebixxa xi affarijiet li nstabu fil-karozza tal-vittma, fosthom kopji tal-proċeduri legali li l-vittma kellha mal-akkużat.
Fil-karozza nstabu diversi dokumenti b’irċevuti, imejls, screenshots u kopji ta’ rapporti tal-Pulizija, cheque book u kartiera.
L-espert tal-Qorti Antoine Mugliette xehed kif il-vettura li kienet qed issuq Bernice, ġarrbet ħsara li tammonta għal madwar €221.96, hekk kif l-imputat kisser waħda mill-ħġieġ tagħha.
Xhud ieħor spjega kif għamel rikors fil-Qorti tal-Familja biex jitlob li jesebixxi l-proċeduri tal-medjazzjoni tal-Qorti tal-Familja tul il-medda ta’ din il-kumpilazzjoni.
Din ix-xhieda ġiet sospiża minħabba li, fl-atti li ġew esebiti f’dan l-istadju, ma kienx hemm ir-rikors li fetħet Bernice Cassar biex it-tifla tattendi l-iskola, għax hu ma riedx jiffirma.
Din il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-18 t’Ottubru fil-11 ta’ filgħodu.