Malta laħqet ir-rekwiżiti biex tikseb l-ogħla standards mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, fejn tidħol it-trasparenza fl-istatistika.
Dan wara li l-Bank Ċentrali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħadmu flimkien biex jiġu konformi ma’ dak li jitlob il-Fond Monetarju Internazzjonali u jilħqu dawn l-ogħla standards, imsejħa SDDS Plus, fl-istatistika ekonomika u dik finanzjarja.
Waqt konferenza, li mmarkat dan it-timbru mill-IMF, id-Direttur Ġenerali tal-NSO, Etienne Caruana, spjegalna aktar dwar is-sinifikat ta’ din il-kisba għal pajjiżna.
Qal, “Dan hu bażikament standard li jiċċertifika l-mod ta’ kwalità u trasparenza. Ħa nikkommettu ruħna għal kalendarju fejn inti dawn l-indikaturi ekonomiċi daqshekk importanti, se jibdew jiġu ppubblikati kemm fuq il-websajt tagħna u anke fuq il-websajt uffiċjali tal-IMF f’ċerti dati speċifiċi.”
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna nnota li isem Malta issa jinsab mal-pajjiżi l-aktar avvanzati fid-dinja, li wkoll huma konformi ma’ dawn l-istandards.
Qal, “Mhix ħaġa faċli għax s’issa hemm biss tletin pajjiż mid-dinja kollha ta’ pajjiżi avvanzati li laħqu dan l-istandard. Dan sar ħafna xogħol, għax inti trid tiżgura li l-istatistika tkun fil-ħin. Inutli li jkollok statistika tajba, imma ddum snin biex toħroġ, reliable li tkun ittestjata bla żbalji, u comprehensive, li tkun trasparenti u ma toqgħodx taħbi xi partijiet.”
Waqt il-konferenza fil-Binja Laparelli, fil-Belt Valletta, ipparteċipa b’mod virtwali Bert Kroese, li hu ċ-Chief Statistician u Direttur tad-Dipartiment tal-Istatistika tal-IMF.