“Il-bidliet kruċjali li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam tal-kostruzzjoni għandhom tliet għanijiet li jmexxuhom – ir-responsabbiltà, is-serjetà u l-kwalità ogħla.”
Kliem il-Ministru għall-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi waqt intervent li għamel fil-programm ‘Sibt il-Punt’ fuq ONE Radio, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-pass li jmiss biex tiġi aġġornata u msaħħa l-liċenzja tal-bennejja li ddaħħlet għexieren ta’ snin ilu.
Hawnhekk il-Ministru kien ċar meta tkellem dwar ir-responsabbiltà dwar ħajjet u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha fil-qasam.
“Dan is-settur hemm bżonn li jkollu titjib fil-kwalità, dan is-settur kull min jaħdem fih irid jirrealizza x’responsabbiltajiet għandu u rridu nkomplu naraw li jkollna nies imħarrġin fix-xogħol u din hi xi ħaġa li se nkomplu naħdmu fuqha. Però l-fokus tagħna hu li nsibu l-aqwa sistemi mhux bir-regoli biss, iżda bil-mod kif isiru l-affarijiet u li kulħadd jerfa’ l-biċċa tar-responsabbiltà tiegħu. Għax min iħaddem, il-fatt li impjega lil xi ħadd, fuq spallejh tefa’ r-responsabbiltà tal-ħajja ta’ dak il-ħaddiem u jrid jassigura li dak il-ħaddiem qed jaħdem f’post sigur.”
Fl-istess kollegament telefoniku, il-Ministru qal kif l-għan ewlieni wara r-riforma storika mill-Gvern fil-qasam tal-kostruzzjoni hi li jonqsu r-riskji.
“L-iskop tagħna ta’ dan it-tibdil hu li jkollna qafas li jnaqqas ir-riskji, aħna l-ewwel irridu nnaqqsu r-riskji. Meta jseħħ dan, tonqos il-possibilità tal-inċidenti.”
Zrinzo Azzopardi fakkar kif, fost l-oħrajn, mal-liċenzjar tal-kuntratturi, dawn iridu jassiguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert b’polza ta’ assigurazzjoni valida.
Dan il-pass f’dan is-settur se jwassal biex l-istess ħsieb jidħol fis-seħħ f’setturi oħrajn fejn huma preżenti ċerti perikli.
“Issa llum min se jagħmel biċċa xogħol fil-kostruzzjoni jrid jara li għandu polza tal-assigurazzjoni li tagħmel tajjeb għal dik il-biċċa xogħol, li jekk jinqala’ xi ħaġa, ikun kopert. Hemm min qed jgħid li hemm sistemi oħrajn ta’ polza ta’ assigurazzjoni. Aħna bħala Gvern, bħalma wasalna b’konsultazzjoni biex għamilna din il-bidla radikali li ilha tissemma, issa saret. Aħna lesti li nitkellmu ma’ kull settur involut u anke fil-livell ta’ Kabinett, li nistudjaw il-kwistjoni ta’ responsabbiltà ta’ min iħaddem f’setturi oħrajn, għax, wara kollox, il-ħaddiema mhux fil-kostruzzjoni biss jixirqilhom persuni li jħammduhom responsabbli.”
Il-Ministru għall-Ippjanar irrefera wkoll kif kull kuntrattur jew bennej liċenzjat, l-ewwel u qabel kollox, iridu jaraw li l-binja u x-xogħol li jagħmlu jkun ta’ kwalità tajba, kif suppost, u li meta jagħmlu binja jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjent tal-madwar.
Filwaqt li l-applikazzjonijiet għal-liċenzjar tal-kuntratturi jagħlqu fl-aħħar ta’ Ottubru li ġej, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzja aġġornata tal-bennejja tiġi fi tmiemha fl-4 ta’ Settembru li ġej.