Żewġt irġiel instabu ħatja li kkawżaw sofferenza bla bżonn lil żiemel billi ma ħadux ħsiebu sew, wara li nstab minn xhud li ddeskrivih bħala fi “stat ta’ bejn ħajja u mewt”, u b’ħafna ġrieħi.
Felice Delia ta’ tmienja u ħamsin sena minn Marsaskala, u Lucas Vassallo ta’ tlieta u tletin sena minn Ħal Tarxien, ġew akkużati li kkawżaw lill-annimal uġigħ bla bżonn u sofferenza, u li ma ħadux il-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-bżonnijiet taż-żiemel jintlaħqu.
L-akkużi ħarġu wara rapport fuq żiemel li kien qed jinżamm f’għalqa fil-limiti ta’ Bindi f’Wied il-Għajn.
Il-Qorti semgħet kif iż-żiemel kien ta’ Vassallo imma fdah f’idejn Delia biex iżommu fl-għalqa tiegħu u jieħu ħsiebu.
Fil-Qorti ntqal li ż-żiemel kien jinżamm f’kamra mibnija bil-ġebel li ma kinitx tidher sigura, u kien fi stat “terribbli”.
Veterinarju wkoll ikkonferma l-istat ħażin li kien fih iż-żiemel u qal li kellu ġrieħi serji f’siequ li kienu nfettati u mimlija bid-dud.
Delia u Vassallo nstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u ġew immultati tmint elef ewro kull wieħed, liema flus iridu jitħallsu fi żmien sitt xhur.
Il-Qorti ordnat ir-revoka tal-permessi kollha maħruġa għal kwalunkwe operazzjoni ta’ attività rregolata mill-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali, u ordnat ukoll is-sospensjoni u r-revoka ta’ kull liċenzja għaż-żamma tal-annimali taħt l-Att għal perjodu ta’ tliet snin.