Tliet konsorzji ssottomettew l-offerti finali tagħhom biex jibnu u joperaw l-impjant tal-Waste-to-Energy fil-Magħtab. Il-proġett, li se jkun l-akbar investiment fit-trattament tal-iskart, se jibdel għal kollox il-mod kif dan kien qed jiġi mmaniġġjat sal-lum il-ġurnata.
Stqarrija mill-WasteServ it-Tnejn waranofsinhar qalet li l-proċess tal-akkwist ta’ din il-faċilità laħaq stadju importanti ieħoru u issa se jibda l-proċess tal-evalwazzjoni. L-entità tal-Gvern qed timmira li tikkonkludi l-kuntratti mal-offerent rakkomandat sa l-aħħar ta’ din is-sena.
It-tliet offerti mill-konsorzji finalisti jvarjaw minn €599 miljun sa aktar minn €781 miljun biex ikopru l-kostruzzjoni u l-operat għal perjodu ta’ għoxrin sena.
Ix-xahar li għadda kien tħabbar mill-istess awtorità li s-sit fejn ġej il-proġett diġà ġie skavat u ppreparat bil-lest biex il-proġett ikun jista’ jibda jiġi implimentat minnufih u fil-ħin.
Ladarba jiġi ffirmat il-kuntratt mal-offerent rakkomandat hu mistenni li l-kuntrattur jibda bix-xogħol tal-konkos fuq il-bunker tal-iskart li għalih diġà nħareġ il-permess għall-iżvilupp.
Il-faċilità tal-Waste-to-Energy se tkun qed tipproċessa 192,000 tunellata ta’ skart mhux riċiklabbli fis-sena, liema skart se jkun ikkonvertit f’enerġija ħadra u nadifa.
Dan l-impjant, flimkien mal-impjanti l-ġodda tal-ipproċessar tal-iskart organiku, il-faċilità tal-irkupru tal-materjali, l-Iskip Management Facility, u l-faċilità tal-inċineratur se jippermettu lil Malta li timxi malajr lejn ekonomija ċirkolari fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.