Bejn Jannar u Diċembru 2022, 2,445 persuna b’diżabilità rċevew servizz ta’ ħidma soċjali minn Aġenzija Sapport.
Matul l-istess perjodu, kien hemm 522 persuna b’diżabilità li gawdew minn servizzi ta’ matul il-jum, 322 oħra li ħadu servizzi mogħtija miċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti (STILC) u 407 oħra rċevew servizz mill-Access to Communcation and Technology Unit (ACTU), fost l-oħrajn.
Dan ħareġ mir-rapport ta’ ħidma fuq is-sena 2022 ippreżentat mill-Kap tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, fil-preżenza ta’ diretturi minn Aġenzija Sapport.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li nħarġu 2,735 dokument tal-Blue Badge.
Jirriżulta wkoll li matul is-sena 2022 ingħataw aktar minn €2.6 miljun f’assistenza lil persuni b’diżabilità permezz tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund, filwaqt li aktar minn €761,000 ingħataw taħt l-iskema Empowerment Scheme, liema skema approvat 1,310 applikazzjoni matul l-istess perjodu.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet ir-rapport bħala rappreżentazzjoni pożittiva li tirrikonoxxi l-isforzi kontinwi ta’ ristrutturar intern tal-entità, immirati biex itejbu s-servizzi lin-nies.
Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, saħaq dwar il-ħidma u l-impenn tas-614 impjegat tal-aġenzija biex jingħataw firxa wiesgħa ta’ servizzi b’suċċess.
Dan waqt li enfasizza wkoll dwar il-ħidma kontinwa mill-aġenzija sabiex tkompli tiżviluppa dejjem aktar programmi u inizjattivi ta’ livell għoli fil-mixja lejn l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, speċjalment b’aċċenn lejn għajxien indipendenti.