Raġel ta’ 33 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat, mixli fost l-oħrajn b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq ommu u missieru.
Fil-Qorti ntqal kif kienu l-ġenituri tiegħu stess li rrapurtawh, hekk kif dan kien qed jikkawżalhom biża’ fid-dar tagħhom stess.
Intqal li l-imputat, li ilu madwar 20 sena bil-vizzju tad-droga, kien jitlob il-flus lill-ġenituri tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni semmiet kif il-missier, li huwa marid bil-kanċer, sofra wkoll minn xi ġrieħi, wara li ibnu ipponta sikkina lejh.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi li huwa lest jipprovdi indirizz alternattiv kif ukoll jibda programm tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li l-imputat huwa finanzjarjament dipendenti fuq il-ġenituri, li hemm il-biża’ li jikkommetti reat ieħor jew intralċ tal-provi, kif ukoll għall-fatt li għad irid jixhdu xi xhieda.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif m’hemmx garanzija li dan ma jwettaqx reat ieħor.
Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni għamlet ukoll talba għall-ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi, liema talba giet milqugħa mill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat, Rachel Montebello.