Mill-erbatax t’April li għadda daħlet fis-seħħ liġi dwar is-separazzjoni tal-iskart b’mod mandatorju.
Din il-liġi tapplika mhux biss għad-djar imma wkoll għall-entitajiet tal-gvern u dawk privati u kumpaniji kummerċjali. Fi ftit kliem, għal kulħadd.
ONE News tkellem ma’ Marie Claire Cappello, uffiċjal fi ħdan l-ERA dwar l-importanza u l-vantaġġi li l-iskart ikun isseparat b’mod għaqli u tajjeb.
Qalet, “Is-separazzjoni tal-iskart qed isir bil-għan biex nipproteġu l-ambjent tagħna u nnaqsu t-tniġġis li jiġi kkawżat mill-iskart li niġġeneraw u apparti minn hekk irridu nnaqsu l-ammont ta’skart li qed jintbgħat lejn il-miżbla, kif ukoll intejbu l-kwalita tal-materjal li jista jiġi rriċiklat sabiex aħna nkunu nistgħu noħolqu riżorsa ġdida u aktar sostenibbli, u nnaqsu l-istress mir-risorża mill-materja prima.”
Il-pubbliku għandu jkompli jara li t-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, joħroġ il-borża l-bajda bl-iskart organiku, il-Ħamis il-borża l-ħadra jew griża bi skart riċiklabbli bħal plastik, u t-Tlieta u s-Sibt tibqa’ tinħareġ il-borża s-sewda.
Mill-erbatax t’Ottubru li ġej, se jidħlu fis-seħħ multi għal dawk li ma jisseparawx l-iskart kif suppost. Huwa l-obbligu ta’ kulħadd, li l-iskart kollu jkun separat b’mod tajjeb u jitqiegħed b’mod għaqli fil-borża t-tajba.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jidħol fuq l-internet fuq is-sit: wastecollection.mt.