Fl-aħħar jiem issoktat il-ħidma tal-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-Greċja, hekk kif qed ikomplu jinfirxu n-nirien ikkawżati mis-sħana qawwija li qed taħkem diversi pajjiżi fl-Ewropa.
Fil-bażi tal-Protezzjoni Ċivili tal-Greċja, il-kontinġent Malti kellu żjara mill-Ambaxxatur Malti għall-Greċja, Joseph Cuschieri, li qal li l-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili hija importanti ferm f’dawn iż-żminijiet diffiċli għall-poplu Grieg.
Qal, “Hawnhekk ukoll, bħalma ġara f’pajjiżi oħra tal-Mediterran, qed naffaċċjaw problemi oħrajn minħabba dawn is-sħanat u l-problema li hawn fil-klima, kien hawn ukoll ħafna qtugħ ta’ dawl, qtugħ tal-provvista tal-ilma, u kien hawn anki inċidenti kbar ta’ nirien speċjalment fil-gżira ta’ Rodi.”
Fil-Greċja, iċ-Chief Assistance Rescue Officer, Michel Galea, spjega d-diffikultajiet li t-tim ta’ għoxrin uffiċjal Malti qed iħabbat wiċċu magħhom.
Qal, “Waħda mill-problemi li qed naffaċċjaw hija t-topografija tar-reġjun fejn qegħdin, ġo Ancient Olympia, u wkoll is-sħana kbira li hawn.”
Uffiċjal mill-Protezzjoni Ċivili tal-Greċja kellha kliem ta’ tifħir u apprezzament għax-xogħol impekkabbli tal-uffiċjali Maltin.
Qalet, “Maltese firefighters are participating in putting out fires by the side of Greek firefighters.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti bis-sħiħ f’dan id-dipartiment biex apparti li jkopri l-esiġenzi ta’ pajjiżna, ikun jista’ jagħti sehmu f’operazzjonijiet oħra barra ’l pajjiż.
Qal, “Mhux biss se nkunu qed nassistu f’nirien u xogħol ippjanat diġà, iżda wkoll il-ħaddiema tagħna se jkollhom iċ-ċans li jieħdu taħriġ li fil-verità ħa jkun bżonnjuż għal meta jiġu lura Malta.”