Malta se tkun fost il-pajjiżi li se jinsistu biex fil-Kunsill Ewropew tas-Saħħa, ikun hemm diskussjoni dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa taċ-ċittadini u fuq is-sistemi tas-saħħa.
Dan saħqu d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne waqt laqgħa tal-Ministri tas-Saħħa fi Spanja.
F’kummenti qabel bdiet il-laqgħa, Chris Fearne saħaq li din il-laqgħa ġiet fil-mument opportun, meta l-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa qed jesperjenzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima fil-laħam il-ħaj.
Qal, “This council meeting comes at a very important time which is when we are, especially in the southern part of Europe, seeing the devastating effects of climate change happening in real time and Malta is going to be one of the countries who will be pushing to have a discussion on climate change and how this is affecting the health of our citizens and the delivery of our health services.”
Fost it-temi ewlenin ta’ din il-laqgħa kien hemm l-isfida tal-aċċessibilità għall-mediċini mill-istati membri kollha, u l-użu tat-teknoloġija.
Id-Deputat Prim Ministru ta l-eżempju tal-użu ta’ fuljetti diġitali bl-informazzjoni għall-pazjenti bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kollha, biex membri stati żgħar b’lingwi uniċi, bħalma hija Malta, ikollhom l-istess aċċess għall-mediċini bħall-pajjiżi l-kbar.