Malti ta’ 37 sena ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija wara investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga.
Ir-raġel mill-Fgura twaqqaf mal-wasla tiegħu f’Malta bil-katamaran minn Sqallija.
Ir-raġel u l-vann li kien qed isuq, ittieħdu l-garaxx tal-Pulizija u mill-investigazzjonijiet u tfittxijiet li saru, irriżulta li kien hemm madwar seba’ kilogrammi ta’ sustanza suspettata droga kokaina u 100 gramma ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis moħbija fl-axle tar-roti ta’ wara tal-imsemmi vann.
Jirriżulta li d-droga misjuba għandha valur ta’ aktar minn €400,000 fis-suq.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u r-raġel qed jinżamm arrestat, u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.