Tnediet strateġija ġdida bil-għan li tkompli ġġedded is-settur edukattiv u tindirizza l-ħidma dwar it-tluq bikri mill-Edukazzjoni. Din se tkopri s-snin ta’ bejn l-2023 u l-2030.
Din l-istrateġija, magħrufa fil-qosor bħala ‘ELET’, hija waħda minn katina ta’ strateġiji, maħsuba biex isaħħu l-ħidma tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, spjega kif din l-istrateġija tallaċċja tajjeb mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u se sservi ta’ għodda biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
“Aħna rridu nassiguraw li nagħtu l-għodda neċessarja lill-istudenti tagħna, u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u fis-settur sar ħafna xogħol, u dan huwa rifless anke fl-istatistika fejn, kellna l-ammont ta’ studenti li telqu kmieni mit-taħriġ u l-edukazzjoni, tista’ tgħid naqas bin-nofs u lħaqna dik li hija l-medja Ewropea.”
L-istrateġija hi bbażata fuq tliet pilastri ewlenin, il-prevenzjoni, l-intervent u l-kumpens.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, qal li dan il-proċess ta’ trasformazzjoni mistenni jikseb riżultati pożittivi.
“Permezz ta’ din l-istrateġija qed naraw li naħdmu b’mod aktar intergat, fejn nużaw il-kunċett tal-familja, il-komunità u l-iskola. Allura naħdmu flimkien ma’ diversi professjonisti, diversi ministeri sabiex inkunu qed nilħqu l-mira tagħna. Aħna rridu li sal-2030 nilħqu l-mira, tad-9%. Qed naraw ħidma kbira, qed naraw li mbarkajna lil kulħadd għax nemmnu bis-sħiħ, li dan huwa l-aħjar interess għall-istudenti tagħna.”