Project Green, tul dawn l-aħħar erba’ ġimgħat kienet impenjata li tagħti aktar ħajja lil spazju miftuħa fil-Mosta li ġie rriġenerat mill-Aġenzija stess riċentament.
Dan bil-għan li mhux biss jitħaddnu prinċipji sostenibbli, iżda wkoll jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Fl-aħħar attività minn sensiela li saru f’dan il-post, is-sentiment fost dawk preżenti kien wieħed pożittiv, li ħadu l-opportunità biex mhux biss igawdu l-arja tal-kampanja Maltija, iżda wkoll jiddevertu.
Fl-istess waqt, kienet qed tingħata pjattaforma lit-talent lokali.
Dawn il-parks iħaddnu l-kunċett tal-aċċessibiltà, b’mod partikolari għat-tfal, anzjani u persuni b’diżabilità.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, li spjega l-ħsieb wara dawn l-attivitajiet.
“Dan huwa l-objettiv ta’ Project Green ukoll illi mhux biss ikun hemm spazji miftuħa, imma kif qegħdin naraw warajna l-ispazji miftuħa li għandna nagħtuhom il-ħajja. Fil-fatt qed naraw dawn l-attivitajiet li qed jattiraw ħafna nies, nikkalkulaw li jkollna aktar minn 2,000 ruħ, f’dawn l-erba’ avvenimenti, illi qed jaraw mhux biss il-prinċipju tas-sostenibbiltà fiċ-ċentru ta’ dan kollu, imma fuq kollox anke l-element soċjali, hekk kif ħafna mid-donazzjonijiet se jmorru direttament għall-Community Chest Fund.”