Il-Bank of Valletta, irreġistra profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ ftit aktar minn mija u ħames miljun ewro għall-ewwel nofs tas-sena.
Dan ħareġ minn rapport tal-bank li wera riżultati b’saħħithom għall-bank fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, it-tmexxija tal-bank qasmet diversi ċifri li ssostanzjaw dan kollu. Fost l-oħrajn kif id-dħul tal-bank kien jiżboq il-mitejn miljun ewro, żieda ta’ kważi sebgħin miljun ewro fuq id-dħul li rreġistra l-bank fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Id-dħul tal-bank kien impattat b’mod pożittiv minn diversi negozji tal-bank, primarjament il-kamp tas-self personali u lejn in-negozju u dak marbut mal-proprjetà. Dan apparti dħul ieħor mill-kamp tal-investimenti.
Dan is-suċċess ġie attribwit għall-fatt li l-ekonomija Maltija qed tesperjenza tkabbir.
L-ispejjeż tal-bank żdiedu marġinalment minn ftit inqas minn tmienja u tmenin miljun ewro fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra, għal tlieta u disgħin miljun ewro fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Din iż-żieda fl-infieq hija parzjalment attribwita għal żieda fl-ispejjeż marbuta mal-operazzjoni tal-bank, fosthom il-pagi li żdiedu fl-isfond ta’ suq kompettitiv għar-riżors uman.
Minkejja dawn in-numri b’saħħithom għall-bank ġie spjegat kif sabiex ikunu ssalvagwardjati l-interessi tax-shareholders, il-bank mhux se jagħti dividend interim f’dan l-istadju.
Dwar dan spjega aktar ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia li elenka numru ta’ kriterji li l-bank għandu sabiex jasal għal deċiżjoni finali rigward l-għoti ta’ dividend.
Dawn jinkludu l-assigurazzjoni li jkollha l-bord li l-bank se jkollu biżżejjed riżorsi biex jopera fil-ġejjieni apparti rekwiżiti regolamentari.
“U fl-aħħar u mhux l-inqas l-aspettativi tax-shareholders u l-prattiċi fis-suq. Dawn huma l-konsiderazzjonijiet li l-bord se jkun qed jieħu fil-ġimgħat li ġejjin.”
Innota wkoll kif il-bank qed ikompli jħares lejn il-ġejjieni tiegħu, li se jkun imsejjes fuq viżjoni li tħares b’mod partikolari l-miri ESG.
“Qegħdin ukoll nassiguraw li noffru prodotti biex jinċentivaw l-imġieba tal-klijenti fejn jidħol l-ESG pereżempju għan-negozji introduċejna prodott f’Diċembru li għadda li huwa popolari ħafna man-negozji fejn dawk li qed jinvestu f’inizjattivi li jirriżultaw f’effiċjenza f’enerġija jistgħu jisselfu għal perjodu ta’ għaxar snin mingħajr l-applikazzjoni ta’ interessi, jiġifieri net zero interest.”
Dan il-bank jaqdi ‘l fuq minn tliet mija u erbgħin elf klijent personali u aktar minn dsatax-il elf negozju f’Malta u Għawdex.