Raġel ta’ sitta u tletin sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li abbuża sesswalment żewġ aħwa subien ta’ ħdax-il sena u tmien snin, tul ix-xahrejn li għaddew.
Ir-raġel ġie rrappurtat lill-Pulizija minn missier is-subien wara li osserva lill-akkużat, li huwa ħabib tiegħu, jagħmel avvanzi fuq it-tfal.
Hu qal lill-Pulizija li tkellem mat-tfal u kkonfermaw dak li kien qed jagħmlilhom l-akkużat.
Fil-Qorti ma ngħatawx dettalji, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat b’saħħa għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba l-familjarità tal-akkużat mas-subien u l-qraba tagħhom, in-natura serja tal-akkużi, u l-biża’ li jaħrab mill-pajjiż.