Minkejja li dan ix-xahar għadu ma spiċċax, xjentisti tan-Nazzjonijiet Magħquda ddikjaraw li jinsabu ċerti li Lulju ta’ din is-sena, se jkun l-aktar xahar sħun għad-dinja.
Fil-fatt, tant kemm għamlet sħana tul dan ix-xahar, li r-riċerkaturi jinsabu kunfidenti li se jinkiser ir-rekord tal-elfejn u dsatax.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, qal li waslet l-epoka ta’ “dinja tbaqbaq”. Tant li qal li għadda ż-żmien tat-tisħin globali, għaliex issa, id-dinja qed “tagħli”.
Il-mewġ tas-sħana fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, flimkien mal-aktar jum sħun irreġistrat globalment aktar kmieni dan ix-xahar, reġgħu xprunaw tħassib ġdid minħabba t-tibdil fil-klima.
Dan anki għaliex studju ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, wera li l-mewġ tas-sħana kienu jkunu kważi “impossibbli”, mingħajr it-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem.