It-turiżmu lejn pajjiżna se jkompli jattira reklamar qawwi lejh bi promozzjoni fit-turnew tal-futbol Sela Cup li se jsir f’Awwissu.
Dan it-turnew se jittella’ fil-ħamsa u fis-sitta ta’ Awwissu u se jara timijiet ta’ profil għoli fid-dinja tal-fubol; Newcastle United, Fiorentina, Villareal u Nice.
It-turnew li se jkun qiegħed jintlagħab qabel jibda l-kampjonat Ingliż, mistenni jattira udjenzi qawwija u attenzjoni kbira mill-midja sportiva internazzjonali.
Fil-fatt, mal-mitt ġurnalist mistennija jirrapportaw dan it-turnew u s’issa diġà nbiegħu mat-tnejn u sittin elf biljett. Dan apparti li qed ikun antiċipat li l-biljetti jinbiegħu kollha sa qabel jibda t-turnew.
Barra dawk li se jattendu, is-Sela Cup bir-reklamar ta’ VisitMalta se tixxandar fuq stazzjonijiet prominenti bħal DAZN, fl-Italja, Franza, ir-Renju Unit u Spanja fost il-mija u ħamsin pajjiż fejn dan it-turnew se jkun qed jintwera.
Ir-reklamar ta’ VisitMalta se jidher kemm madwar il-grawnds waqt il-logħob infushom iżda anki waqt konferenzi stampa matul l-avveniment.
Saħansitra se jixxandru filmati li jippromowovu l-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni turistika fil-grawnds.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, innota mal-midja lokali, li kieku l-istess reklamar kellu jsir bil-mod tradizzjonali, jiġifieri mhux parti mis-Sela Cup, ikun ilaħħaq is-seba’ miljun ewro.
“Filwaqt li qegħdin nagħmlu dan it-tournament qegħdin naraw sigħat ta’ televixin fejn il-VisitMalta brand ikun qiegħed viżibbli. Ikun qiegħed viżibbli mal-brands ta’ dawn it-timijiet u hemmhekk qed nistmaw illi mit-televixin u mill-midja soċjali inġibu return, li kieku xtrajna dak ir-reklamar, ta’ madwar seba’ miljun ewro.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur turistiku f’pajjiżna, Clayton Bartolo, tkellem dwar l-importanza ta’ niċeċ turistiċi bħal dak sportiv li jwittu t-triq għal turiżmu ta’ kwalità ogħla u aktar sostenibbli.
“It-turiżmu sportiv ser jgħin sabiex verament niksbu s-sostenibbiltà fis-settur tat-turiżmu ta’ pajjiżna. It-turiżmu huwa wieħed mill-aqwa pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżnau allura rridu naraw illi jkollna sostenibbiltà ta’ vera billi negħlbu l-istaġjonalità u nemmen li din in-niċċa ta’ turiżmu sportiv kapaċi tgħin biex it-turiżmu ma jibqax biss ikkonċentrat fix-xhur tas-sajf iżda jinfirex matul is-sena kollha.”