Il-Perit Adriana Zammit, waħda mill-ħames akkużati li tressqu bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia wara li ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali, bdiet titrasferrixi ammonti sostanzjali ta’ flus u proprjetà lil terzi persuni.
Dan ħareġ mir-rapport tal-inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat inkwirenti Marseanne Farrugia fejn innutat li dan ma jirriżultax li huwa reat iżda fil-futur dan jista’ jsir relevanti f’każ li tkun ordnata tħallas għad-danni u allura jkollha l-kredituri jiġru warajha.
Jidher li l-Perit Zammit bdiet tagħmel sa ġimgħat wara li seħħ il-każ u fil-fatt jissemma ċertu wieħed Christian li l-Perit bdiet tikkomunika miegħu fit-3 ta’ Jannar ta’ din is-sena, xahar eżatt wara li ġġarrfet il-binja f’Kordin li ħalliet mejjet lil Sofia u darbet ħaddiema oħra.
“Dak li għamlet u qed tagħmel il-Perit Zammit huwa biex tistultifika d-drittijiet ta’ kredituri potenzjali futuri u allura fil-futur dan l-aġir jista’ jiġi investigat b’mod ulterjuri għal reat ta’ frodi”, qalet il-Maġistrat Farrugia fir-rapport tagħha.
L-inkjesta maġisterjali nnutat kif fil-pjanti tal-Perit Adriana Zammit kien hemm struzzjonijiet dwar il-ħadid li kellu jitwaħħal ġol-blajjet iżda ma kien hemm l-ebda struzzjoni dwar x’ħadid kellu jintrabat minn blata għal oħra.
Ingħad ukoll li l-Perit Zammit kienet toqgħod fuq ritratti mibgħuta u l-ħaddiema qatt ma lemħuha fuq il-lant tax-xogħol għalkemm ingħad ukoll li hi kienet iżżur il-post.
Intqal ukoll li anki Matthew Schembri kien responsabbli fuq il-lant tax-xogħol u hu wkoll kien joqgħod fuq ritratit mibgħuta.
Fil-fatt Jean Paul Sofia kien jibgħat ir-ritratti u bagħat l-aħħar ritratt ftit eżatt qabel iġġarrfet il-binja.
Intqal li l-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq il-binja ma kellhomx għarfien biżżejjed fix-xogħol u wieħed mill-ħaddiema biss kien mar kors ta’ nofs ta’ nhar f’post f’Ħal Qormi li lanqas hu magħruf kienx liċenzjat.
Il-ħames persuni akkużati ngħataw il-liberta proviżorja u tressqu wara 16-il seduta tal-Maġistrat Marseanne Farrugia f’inkjesta maġisterjali li ħadet mat-tmien xhur biex titlesta.
Darba minnhom, il-Maġistrat ħadet xahar u nofs biex tlaqqa’ seduta, bejn waħda u oħra.
Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ppubblika r-rapport tal-Maġistrat Marseanne Farrugia tal-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident li seħħ f’Kordin.