Raġel li nstab ħati ta’ traffikar tal-ecstasy f’post fejn isiru l-parties, aktar minn tnax-il sena ilu, inħeles minn sentenza ta’ ħabs, wara li l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni dwar Reati tad-Droga kien sodisfatt bil-progress li għamel u għalaq il-kawża.
Jurgen Stanyer appella sentenza ta’ sitt xhur priġunerija talli ttraffika l-ecstasy fl-2011.
Id-deċiżjoni li din is-sentenza tinbidel għal waħda sospiża, ittieħdet wara li l-uffiċjal tal-probation tal-akkużat spjega lill-Qorti t-titjib drastiku li ra fir-raġel minn dakinhar.
Meta seħħ il-każ f’Ta’ Qali, l-akkużat kellu dsatax-il sena, u kien fost numru ta’ nies li ġew arrestati dakinhar.
Minkejja li kien akkużat li ttraffika l-kokaina u l-ecstasy, eventwalment instab ħati li ttraffika biss żewġ pilloli ecstasy.
Il-Qorti ddeċidiet ukoll li dan ir-reat ma jitniżżilx fuq iċ-ċertifikat tal-kondotta tar-raġel.