Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li qed tħaffef ix-xogħlijiet ta’ tiswijiet biex tistabbilizza l-grid tad-distrubizjoni fl-inqas ħin possibbli, hekk kif in-numru ta’ ħsarat ġodda fuq in-network tal-vultaġġ għoli komplew jonqsu.
Fil-jum tal-Erbgħa, il-mewġa ta’ sħana bdiet tnaqqas hekk kif bit-temperaturi iżjed friski, kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ diffikultajiet ġodda fin-network u tjieb il-ħin ta’ rispons biex tingħata lura l-provvista tal-elettriku.
Hekk kif iżjed cables inxtegħlu, l-Enemalta kompliet treġġa’ lura l-flessibiltà u r-resiljenza tan-network.
Permezz ta’ dawn it-tiswijiet li qegħdin isiru, in-Network Control Room tal-Enemalta qiegħda jkollha l-konnessjonijiet alternattivi neċessarji sabiex tkun tista’ terġa’ tagħti l-provvista tal-elettriku f’inqas ħin lil konsumaturi li jiġu affettwati minn diffikultajiet ġodda fin-network. Konsumaturi milquta minn ħsara li żviluppat fin-network f’partijiet mill-Ħamrun u Santa Venera nhar l-Erbgħa reġgħu taqbbdu mal-grid fi ftit sigħat.
Madanakollu, kif ġara f’dawn l-aħħar għaxart ijiem, xorta jibqgħu ċerti każijiet fejn peress li jkun hemm numru ta’ ħsarat jew diffikultajiet fl-istess żona, jeħtieġ iżjed ħin biex tingħata lura l-provvista tal-elettriku. L-Enemalta qiegħda tkompli żżid it-timijiet tekniċi tagħha sabiex tħaffef it-tiswijiet li hemm għaddejjin.
L-Erbgħa filgħaxija, inġinieri u tekniċi tal-Enemalta lestew ix-xogħlijiet biex jinbidel transformer li sofra ħsarat f’Ħal Qormi. Il-konsumaturi affettwati minn din il-ħsara ngħataw lura l-provvista tal-elettriku hekk kif it-transformer il-ġdid ġie ttestjat u nxtegħel.
Fil-frattemp, it-timijiet tal-Customer Response tal-Enemalta ħadmu fuq numru ta’ ħsarat iżgħar li ġew irreġistati fuq in-network ta’ vultaġġ baxx, li jiddistribwixxi l-elettriku mis- substations sal-konsumaturi. Ħsarat fuq dan in-network jolqtu konsumaturi individwali jew żoni żgħar, bħal partijiet minn toroq.