Il-Gvern jinsab iffukat fuq l-effetti li l-isfida klimatika ġabet f’pajjiżna, tul dawn l-aħħar jiem.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, l-Erbgħa waranofsinhar, mill-ġurnalist ta’ ONE, Nolan Camilleri.
Il-Prim Ministru sostna li nhar il-Ġimgħa li ġej se ssir laqgħa mal-imsieħba soċjali, tal-MCESD. Huwa sostna li l-għan huwa li jingħata rendikont dettaljat ta x’qed isir biex fl-immedjat tkun indirizzata din l-isfida.
Qal, “Biex nispjega l-pjan b’saħħtu li għandna għat-tisħiħ tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, x’għamilna f’dan l-aħħar xhur fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan li diġà beda jiġi implimentat, x’qed isir bħalissa biex tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni u dak li rridu nkomplu nagħmlu biex din is-sistema issa trid tibqa’ tissaħħaħ, iżda b’mod aċċellerat u t-tielet dak li tlaqt bih, jiġifieri nitkellmu flimkien mal-imsieħba soċjali kollha dwar dan il-fenominu tat-tibdil fil-klima.”
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern sensittiv għal dak li hu għaddej u jrid jiddjaloga daqskemm jaħdem biex jagħti s-soluzzjonijiet.
Il-Prim Ministru spjega li fi żmien amministrazzjonijiet nazzjonalisti d-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku kienu inferjuri, meta mqabbla mal-lum il-ġurnata. Spjega li mill-2013, il-Partit Laburista fil-Gvern saħħaħ il-provvista tal-elettriku u sostna li kieku dan ma seħħx pajjiżna ma kienx ikollu biżżejjed provista tal-elettriku.
Dr Abela semma kif bħalissa għaddej pjan tal-Gvern ta’ €90 miljun, li miegħu jingħaqad ukoll €70 miljun oħra, li ġejjin mill-pjan tal-Unjoni Ewropea, REPowerEU., favur aktar tisħieħ tas-sistema.
Huwa semma li fl-aħħar sena u nofs saru 66 substation ġdid u rrimarka li fil-manifest elettorali hemm proposta li se jsiru 200 substation f’din il-leġiżlatura. Għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq ċentri ta’ distribuzzjoni.
Stqarr, “B’iktar introduzzjoni ta’ distribution centres u b’iżjed substations se tkun qiegħed tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistema tal-cables. Mela, dak huwa l-mod ta’ kif aħna rridu naħdmu billi filwaqt li nibqgħu nindirizzaw is-sistema ta’ provvista u l-volum u d-domanda li hija meħtieġa, il-pressjoni fuq is-sistema tal-cables ikun qiegħed jinqasam, anki meta għandek sitwazzjoni ta’ temperaturi estremi u li jien nantiċipa li f’staġuni oħrajn, ma ngħidx li mhux se terġa’ tiġri din is-sitwazzjoni, iżda nantiċipa li bil-mod kif it-tibdil fil-klima qiegħed jaċċella ruħu, jista’ jkollna sitwazzjonijiet ta’ dawn il-heatwaves.”
Dr Abela qal ukoll li issa wasal il-mument li dan il-pjan jitħaffef.
“Jiġifieri dan huwa mhux xi ħaġa li bdejniha issa, imma pjan li diġà bdejnih u li issa, naturalment irid jiġi aċċellerat u aċċellerat propju għaliex il-fenominu tat-tibdil fil-klima aċċellera ruħu.”
Il-Prim Ministru sostna li bil-kontra tal-Partit Laburista, fl-aktar mument ta’ sfida għall-pajjiż, l-Oppożizzjoni dejjem tkun partiġġjana.
Qal, “Mhux id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali li se tagħti lura l-provvista tal-elettriku lin-nies, imma huwa x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta hija l-ħidma ffukkata tal-Gvern, partikolarment madwar l-investiment li jrid ikompli għaddej biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni. Risposti politiċi ntuwhom fil-waqt. Meta jkollna dawn is-sitwazzjonijiet dejjem niffoka fuq li nelgħbu l-isfida.”