It-Tlieta filgħaxija, tħabbret il-mewt ta’ Ray Mahoney, poeta u awtur ta’ diversi kotba. Huwa miet fl-età ta’ 74 sena.
Jibqa’ magħruf għal-lirika li kiteb fir-rock opera li ma tmut qatt, ‘Ġensna’.
Huwa twieled f’San Ġiljan u kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju.
Kiteb il-kliem ta’ diversi musicals oħra li jibqgħu jissemmew fosthom ‘Bastilja’, ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika’, ‘Il-Gwerra ta’ Spiru Cefai’, ‘Żeża tal-Flagship’, ‘It-Tfajla tal-Palazz’, ‘It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla’ u ‘Il-Bandiera tal-Maltin’.
Dwar dan tkellimna mal-Maestro Paul Abela, li qal li ltaqgħu waqt ir-rock opera, ‘Ġensna’.
Stqarr, “Kien jikteb Malti sabiħ, li kien iżewwaq mal-mużika eżatt, jiġifieri qisu li kelli f’moħħi kien jagħmlu hu, ovvjament b’sengħa kbira u b’Malti mill-isbaħ. Naħseb kien wieħed li għolla l-istandards u l-lirika bil-Malti, jiġifieri kellu kelma mill-isbaħ.”
Mahoney kiteb ukoll il-kanzunetta ‘Little Child’ li biha Mary Spiteri ġiet fit-tielet post fil-Eurovision Song Contest tal-1992.
Dwar dan tkellimna mal-kantanta Mary Spiteri.
Qalet, “Il-kummenti li kien ikollu, anki morna barra minn Malta b’xi songs tiegħu, kienu jgħiduli lirika bħal din ilna ma naraw għal snin kbar. Malta llum tilfet ġawhra kbira, għalija kien ġenju dan il-bniedem. Anki l-karattru tiegħu, dak il-karattru edukat, attentat anki kif jitkellem. Ray kien a beautiful person.”
Sena qabel, Mahoney kiteb ‘Could it Be’ interpretata minn Paul Giordimania u Georgina Abela, fejn f’dak il-Eurovision, Malta ġiet fis-sitt post.
Mahoney ta kontribut qawwi anki fuq ONE Radio sa mill-bidu b’qari uniku kif kien jaf jagħmel tajjeb Ray.
Dwar dan ONE News tkellem max-xandar ta’ ONE, Ray Azzopardi, li se jkun qed jiddedika programm fuq ONE Radio għal Mahoney, l-Erbgħa filgħaxija.
Qal, “Bla dubju, Ray Mahoney ħalla patrimonju mhux biss fil-kamp tal-letteratura madwar Malta u Għawdex, imma wkoll partikolarment fl-istazzjonijiet tagħna, għaliex Ray kien jaqra r-rumanzi, in-novelli. Kien jikteb xogħlijiet apposta għal ONE, b’fosthom b’xogħlijiet sagri.”
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll sellem il-memorja ta’ Ray Mahoney, fejn qal li huwa ta ħafna għal-letteratura Maltija. Dan filwaqt li l-Partit Laburista qal huwa ta kontribut kbir fil-lingwa Maltija.