B’daqqa ta’ pinna ġie ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Federazzjoni tal-Koperattiva Maltija biex jiġi strutturat iktar it-taħriġ ta’ informazzjoni dwar l-importanza tal-koperattiva.
Dan qed isir biex studenti li qed jistudjaw jew daqt jiggradwaw mill-Università, ikollhom idea ċara ta’ xi tfisser li tkun indipendenti u ma tiddependix fuq ħaddieħor għal impjieg.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet intqal li wieħed minn kull sitt persuni huwa membru f’koperattiva u dawn il-koperattivi joffru għoxrin fil-mija tal-impjiegi preżenti.
Mal-mikorofnu ta’ ONE News, John Mallia, il-President tal-Federazzjoni tal-koperattiva Maltija, spjega b’mod ċar x’inhi koperattiva.
John Mallia tenna li dan l-MOU qed jipprovdi l-qafas fejn l-istudenti Universitarji jistgħu jistudjaw kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ koperattivi li jitwieldu b’mod ġdid imma wkoll ir-riċerka koperattiva.
Irrimarka li f’Malta hawn potenzjal kbir ta’ koperattivi u jixtieq li ħafna iktar studenti jemmnu fihom.
Ħabbar ukoll li l-federazzjoni qed taħdem fuq koperattiva ġdida.
“Waħda mill-affarijiet li qed naħdmu ħafna fuqha hija li l-edukazzjoni koperattiva tidħol fl-oqsma kollha tat-tagħlim fl-Università. Filfatt bħalissa wkoll bi pjaċir ngħid li qed naħdmu fuq koperattiva ġdida fjamanta.”
Ir-rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella tenna li żgħażagħ u adulti li ħerġin mill-Università għandhom iċ-ċans jikkreaw ix-xogħol tagħhom stess u bil-koperattivi dan se jsir aktar possibli għax qed tingħata preparazzjoni għall-ħajja tax-xogħol.
“Nagħtu l-possibilitajiet aktar lill-istudenti tal-Università biex meta joħorġu minn hawn bid-degrees tagħhom, joħorġu minn hawn b’dak l-għerf li għandhom bżonn biex ma jibżgħux jidħlu fil-kamp tax-xogħol mhux bħala impjegati imma bħala self-employed anka f’inizzjattivi ta’ koperattiva.”
