Kulħadd għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jibqa’ b’saħħtu u jevita l-konsegwenzi koroh li tista’ ġġib magħha s-sħana.
Hekk stqarret is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci fl-isfond tal-mewġa ta’ sħana qawwija li għaddejja minn fuq Malta bħalissa, li qed tippersisti anki fl-Ewropa.
L-awtoritajiet wissew li t-temperaturi tas-sajf jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u appellaw biex il-pubbliku jevita l-effetti tax-xemx u tas-sħana.
F’mewġa ta’ sħana, mingħajr biżżejjed ilma, wieħed faċilment jispiċċa dehydrated u l-ġisem jista’ jisħon iżżejjed.
Dan jista’ jwassal għal eżawriment tas-sħana jew anki puplesija, li t-tnejn jeħtieġu trattament urġenti.
Il-heatstroke jista’ jikkawża ħsara serja lill-ġisem u saħansitra anki jwassal għall-mewt.
Il-Professur Gauci fakkret kif filwaqt li s-sħana taffettwa lil kulħadd, jista’ jkollha effetti aktar serji fuq l-anzjani, it-trabi, it-tfal u persuni li jbatu minn mard kroniku.
“Aħna nafu li għandek l-effett tas-sħana fuq il-ġisem fejn jista jkollok dehidration. Dawk in-nies li jbatu b’mard kroniku, ikollhom iktar mard kroniku qawwi u anke jista xi ħadd ibati bil-mard tal-qalb iktar ikollu ċans li jagħtih xi heart attack.”
Il-Professur Gauci appellat lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex kulħadd ikun protett mill-effetti tas-sħana.
Min iħoss xi sintomi għandu javża lit-tabib mill-ewwel.
“Tajjeb ukoll li fiż-żminijiet li hemm ħafna sħana, aħna jekk nistgħu noħorġu f’ħinijiet fejn mhemx l-iktar sħana speċjalment bejn il-ħdax u l-erbgħa ta’ waranofsinhar nistgħu nipprovaw nevitawhom. Anke minn jagħmel l-eżerċizzju nipprovaw nevitaw dawn il-ħinijiet jew inkella nagħmluhom f’postijiet iktar friski.”
Għalkemm f’Malta mistennija tonqos it-temperatura mill-Erbgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika xorta appellat biex il-pubbliku jieħu ħsieb saħħtu.
“L-effett ta’ sħana tkun dik immidjata imma wkoll tista’ tieħu fiż-żmien. Aħna qed nistennew li f’dawn iż-żminijiet ta’ temperaturi għoljin anke jekk dawn jibdew jonqsu l-effetti tagħhom jibqgħu hemm. Importanti huwa li nibqgħu nieħdu ħsieb saħħitna.”