Seba’ professjonisti mediċi ma nstabux ħatja ta’ qtil involontarju ta’ tifla ta’ sentejn, tnax-il sena ilu.
It-tifla kienet daħlet l-isptar b’sintomi ta’ deni u remettar, wara li kienet diġà marret fi sptar privat u qalulha li kellha l-influwenza.
Konsulent kien irreferiha għall-Isptar Mater Dei biex tingħata d-drip.
Ftit wara, anki l-ġenituri tat-tifla żviluppaw sintomi simili.
It-testijiet tad-demm kienu wrew li t-tifla kellha sinjali ta’ infezzjoni, u tlett ijiem wara li ddaħħlet l-isptar, sofriet arrest kardjopulmonari u minkejja t-tentattivi biex tiġi salvata, it-tifla mietet.
L-awtopsja kienet qalet li l-mewta seħħet minħabba raġunijiet naturali, u ssemmiet il-meninġite.
Il-Prosekuzzjoni xliet lil seba’ professjonisti mediċi bi traskuraġni fil-mod kif eżerċitaw il-professjoni tagħhom.
Fid-dawl tal-evidenza kollha li tressqet quddiem il-Qorti, il-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li l-akkużati kollha adottaw raġunar adekwat u raġjonevoli, ibbażat fuq it-testijiet kliniċi u l-istorja medika tal-pazjenta.
Il-kondotta tal-professjonisti hija wkoll paripassu mal-prattiċi korretti fis-settur tal-mediċina.
Il-Qorti ordnat il-projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet.