Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech infexx f’aktar logħob partiġjan fuq is-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku f’pajjiżna u fl-istess waqt baqa’ jmeri lilu nnifsu hekk kif ħa pożizzjonijiet inkonsistenti.
Daqqa jwaħħal f’ħaġa u daqqa oħra.
Huwa organizza konferenza tal-aħbarijiet kif iddettawlu tal-establishment li kienu jagħtu l-pariri lil Lawrence Gonzi u lil Tonio Fenech fuq l-enerġija u ħa miegħu lil Mark Anthony Sammut biex jgħid li għandu jissejjaħ stat ta’ emerġenza.
Għal dan wieġeb b’mod ċar il-Partit Laburista, li saħaq li l-logħob politiku partiġjan mhux se jagħti lura d-dawl lin-nies.
“Hija l-ħidma tal-ħaddiema tal-Enemalta u l-Gvern li se jwasslu biex jittaffew id-diffikultajiet li qed jinqalgħu”, innota l-Partit Laburista fi stqarrija filwaqt li sostna li l-Prim Ministru hu ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż mhux fil-logħob partiġjan ta’ min irid ifixkel.
Għall-mistoqsijiet ta’ ONE News, Bernard Grech inqabad ikun inkonsistenti għaliex tul dawn il-jiem dejjem kellu pożizzjoni differenti fuq is-sitwazzjoni.
L-ewwel semma l-ammont ta’ nies, imbagħad l-infrastruttura u imbagħad kien kostrett jinnota li d-domanda qawwija għall-elettriku minħabba mewġa tas-sħana li laqtet l-Ewropa kollha.
“Diversi pajjiżi għandhom l-istess problema minħabba l-load sostanzjali fuq is-sistemi tagħhom tal-enerġija.”
Quddiem logħob partiġjan u inkonsistenza li Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista komplew juru quddiem ħidma bla heda anki tat-tekniċi u l-ħaddiema tal-Enemalta, il-Partit Laburista rrimarka wkoll li ż-żmien tar-risposti politiċi għad jiġi wkoll.
“In-nies se jkunu nafu liema Gvern verament investa fl-enerġija u min dejjem lagħab għall-gallarija, kif reġa’ għamel Bernard Grech”, temm jgħid il-Partit Laburista.