Illejla fid-9pm, ONE se jxandar il-finali ta’ Miss u Mr World Malta 2023. Din hija s-26 edizzjoni ta’ Miss World Malta u l-10 edizzjoni ta’ Mr World Malta.
Il-kontestanti ġew uffiċċjalment magħżula f’Jannar, fejn tul dawn is-seba’ xhur ħadu sehem f’diversi attivitajiet fosthom il-programm televiżiv edizzjoni speċjali “Gateway To Miss & Mr World Malta”.
Ħafna preparamenti u provi biex is-segwaċi ta’ ONE jgawdu serata mill-isbaħ li ser tixxandar b’mod dirett mill-Forti Sant’Iermu, l-Belt Valletta. Fis-serata ser naraw sfilati minn djar differenti tal-moda u sfilata tax-xagħar biex dawn jikumplimentaw din is-serata.
Dan l-avveniment se jkun imtella’ minn Modelle International b’direzzjoni ta’ Sue Rossi u Claudia Calleja.
Wara li fis-serata finali jitħabbru r-rebbieħa, mal-ewwel jibdew preparamenti ġodda biex jitieħdu r-ritratti ħalli ikunu jistgħu jitellgħu fis-sit internazzjonali ta’ Miss u Mr World fejn il-Maltin jingħaqdu mal-kontestanti l-oħra. Apparti minn hekk jintgħażlu wkoll il-ħwejjeġ li ser jintlibsu fil-finali. Din is-sena f’għeluq il-71 anniversarju, l-final ta’ Miss World ser issir fl-India.