Fi stqarrija l-Enemalta qalet li t-timijiet tekniċi tal-Enemalta qegħdin jaħdmu b’mod kontinwu biex isewwu l-ħsarat estensivi li żviluppaw fin-network ta’ distribuzzjoni, biex jagħtu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’partijiet tal-Mosta, Naxxar u l-Ħandaq.
Dan hekk kif, skont l-Enemalta, ilbieraħ filgħaxija ġew irreġistrati 13-il ħsara f’cables ta’ taħt l-art.
Hekk kif il-Kumpanija daħlet fit-tieni ġimgħa ta’ xogħlijiet relatati mad-diffikultajiet fin-network tad-distribuzzjoni kawża tal-mewġa ta’ sħana li laqtet lil pajjiżna, kompliet talloka iżjed riżorsi sabiex jissewwew il-ħsarat fil-cables u terġa’ tikseb il-flessibilità u r-reżiljenza neċessarja fin-network ta’ distribuzzjoni.
Peress li ħafna mill-ħsarat tal-ġimgħa l-oħra ssewwew, it-Tnejn filgħaxija, l-Enemalta setgħet tuża l-cables li ssewwew sabiex treġġa’ lura fl-inqas ħin possibbli l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi li ġew affettwati mill-ħsarat il-ġodda. F’żoni oħra, hemm bżonn ta’ tiswijiet oħra tal-cables qabel ma l-konsumaturi jistgħu jerġgħu jitqabbdu mal-grid.
Timijiet tekniċi oħra tal-Enemalta qegħdin jgħinu lill-konsumaturi li qegħdin jirrapurtaw ħsarat lokalizzati fis-servizz individwali tagħhom, jew f’żoni żgħar, bħal pereżempju f’parti minn triq.
Waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ, l-Enemalta spjegat kif f’dawn l-aħħar sena u nofs, nediet investiment ta’ €90 miljun sabiex tiġi msaħħa s-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Malta. Dan l-investiment ġie msaħħaħ b’€70 miljun oħra ta’ fondi tal-pjan tal-Unjoni Ewropea, tar-REPowerEU.
Permezz ta’ dan l-investiment fl-infrastruttura, li jinkludu ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, substations ġodda, cables ta’ taħt l-art ġodda u rinfurzar tal-installazzjonijiet eżistenti, l-Enemalta qiegħda tkabbar il-kapaċità, flessibilità u r-reżiljenza tal-grid nazzjonali, biex tipprovdi servizz aħjar lill-konsumaturi tagħha fil-lokalitajiet kollha.
